1Min ifittex jitħallas b’idejh, isib ħlasu mingħand il-Mulej,
li jifli sewwa dnubietu.
2Aħfer il-proxxmu dnubietu,
u mbagħad titlob u dnubietek jinħafrulek.
3Bniedem irawwem għadab għal ieħor,
u mbagħad se jfittex fejqan mingħand il-Mulej?
4Minn bniedem bħalu m’għandux ħniena,
u mbagħad se jitlob għal dnubietu?
5Jekk bniedem jibqa’ mgħaddab,
min se jpattilu għal dnubietu?
6Ftakar fl-aħħar ta’ ħajtek, u ieqaf mill-mibegħda;
ftakar fit-taħsir u l-mewt,
u oqgħod għall-kmandamenti.
7Ftakar fil-kmandamenti u tobgħodx il-proxxmu;
ftakar fil-patt tal-Għoli u agħlaq għajnejk għall-offiża.It-tilwim
8Warrab mit-tilwim u jonqsu dnubietek;
għax bniedem qalil ikebbes in-nar ta’ ġlieda,
9u bniedem midneb jaqla’ l-inkwiet qalb il-ħbieb,
u jiżra’ l-mibegħda fost dawk li jgħixu fis-sliem.
10Nar iħeġġeġ skont il-ħatab tiegħu,
u l-ġlieda tħeġġeġ skont il-qilla tagħha;
il-korla ta’ bniedem tixgħel skont is-saħħa li jkollu,
u l-għadab tiegħu jitla’ skont ma jkollu ġid.
11Tilwima bl-għaġla tkebbes in-nar
u ġlieda bla ħsieb ixxerred id-demm.
12Jekk tonfoħ fuq xrara, tħeġġeġ,
u jekk tobżoq fuqha tintefa;
minn ħalqek joħorġu t-tnejn li huma.
L-ilsien13Isħet lil min isefsef u jgħid kliem b’ieħor,
għaliex lil ħafna tellfilhom is-sliem.
14L-ilsien kalunjuż heżżeż lil ħafna,
u xerridhom minn ġens għal ieħor,
ġarraf bliet b’saħħithom,
u djar ta’ nies kbar qalibhom ta’ taħt fuq.
15L-ilsien kalunjuż tefa’ ’l barra nisa ta’ karattru,
u ċaħħadhom mill-qligħ ta’ xogħolhom.
16Min jagħti widen tas-sefsif ma jsibx mistrieħ,
u ma jgħammarx fis-sliem.
17Daqqa ta’ sawt tagħmillek tbenġila,
imma daqqa ta’ lsien tkissirlek għadmek.
18Ħafna waqgħu bil-ponta tas-sejf,
imma mhux daqs kemm iġġarrfu minħabba l-ilsien.
19Hieni min jinsab għall-kenn minnu,
u m’għaddiex mill-qilla tiegħu,
min ma ġarrx il-madmad tiegħu,
u ma ntrabatx bl-irbit tiegħu.
20Għax il-madmad tiegħu madmad tal-ħadid,
u l-irbit tiegħu rbit tal-bronż.
21Il-mewt li jġib hi mewta kerha,
aħjar qiegħ l-art minnha.
22Ma jaħkimx fuq it-twajbin,
u dawn ma jinħaqrux b’ilsien in-nar tagħha.
23Dawk li telqu l-Mulej jaqgħu taħt setegħtu,
u jħeġġeġ fosthom bla ma jintefa.
Jintbagħat għalihom bħal iljun,
u bħal ljupard jagħmilhom trietaq.
24Tella’ ċint tal-għollieq mal-qasam tiegħek,
u aqfel id-deheb u l-fidda tiegħek.
25Kliemek iżnu u kejlu,
u fommok agħmillu bieb u stanga.
26Qis li ma tonqosx bi lsienek,
li ma taqax quddiem min jissajjalek.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.