1M’għandekx għalfejn tgħir għall-ħżiena
jew tixtieq tagħmilha magħhom;
2għax fuq id-dnewwa jaħseb moħħhom,
u kliem l-għawġ joħroġ minn fommhom.
3Id-dar bl-għerf tinbena
u bid-dehen tissaħħaħ;
4bl-għaqal jimtlew il-kmamar,
b’kull ġid għażiż u jogħġob.
5L-għaref aqwa minn wieħed b’saħħtu,
min għandu t-tagħlim aqwa minn dak li jiflaħ;
6għax bit-tmexxija għaqlija tintrebaħ il-gwerra,
b’ħafna pariri tinkiseb ir-rebħa.
7L-għerf għoli wisq għall-iblah;
f’bieb il-belt l-iblah ma jiftaħx fommu.
8Min jaħseb biex jagħmel id-deni,
jissejjaħ bniedem tal-għawġ.
9Dnubiet huma ħsibijiet l-iblah,
u l-arroganti jistmelluh in-nies.
10Jekk int tintreħa fir-riżq it-tajjeb,
x’saħħa għandek fir-riżq il-ħażin?
11Lil min hu meħud għall-mewt eħilsu,
lil min hu mkaxkar għall-qatla salvah.
12Jekk int tgħid: “Ma kontx naf b’dan”;
taħseb li Dak, li jiżen il-qlub, ma jindunax?
Dak li jgħasses fuqek, kollox jaf;
Hu jrodd lil kulħadd skont għemilu.
13Ibni, kul l-għasel, għax hu tajjeb,
u l-qtar tax-xehda, għax togħmtu ħelwa.
14Kun af li hekk hu l-għerf għalik;
jekk issibu, jiswielek għal li ġej,
u t-tama tiegħek ma tkunx fiergħa.
15Toqgħodx tissajja għal fejn joqgħod il-ġust,
tagħmilx ħsara lil daru.
16Imqar jekk il-ġust jaqa’ seba’ darbiet, dejjem jerġa’ jqum,
imma l-ħżiena mill-ħsara jibqgħu mifxula.
17Tifraħx meta jaqa’ l-għadu tiegħek,
tithenniex f’qalbek meta jogħtor;
18jekk jara dan il-Mulej ma jifraħx bik,
u lilu jneħħilu l-korla tiegħu minn fuqu.
19Tinkeddx minħabba l-ħżiena,
u tgħirx għal min jagħmel il-ħażen;
20għax il-ħżiena m’għandhomx tama għal li ġej,
u d-dawl tal-ħżiena għad jintefa.
21Ibni, ibża’ mill-Mulej u mis-sultan,
u teħodha qatt kontra tagħhom it-tnejn;
22għax għal għarrieda minnhom tiġi l-ħsara,
u l-qerda li minnhom tiġi min jagħrafha?
Kliem l-għorrief23Dawn ukoll kliem l-għorrief:
mhux sewwa żżomm ma’ dak u mal-ieħor fil-ħaqq.
24Min lil ħati jgħidlu: “Int bla ħtija,”
jisħtuh il-popli, jistkerrhuh il-ġnus;
25imma dawk li jikkundannaw il-ħati riżqhom tajjeb,
ikollhom fuqhom barka bil-kotra.
26Min jagħti tweġiba onesta,
daqs kemm kieku jagħti bewsa fuq ix-xufftejn.
27Qis li xogħlok ikun f’postu,
u li jkollok kollox lest għal xogħol ir-raba’;
u mbagħad ibni darek.
28Tixhidx bla raġuni kontra għajrek,
u tqarraqx bih b’xufftejk.
29Tgħidx: “Kif għamilli hu, nagħmillu jien;
rroddlu skont għemilu.”
30Għaddejt ħdejn l-għalqa ta’ wieħed għażżien,
ħdejn l-għalqa tad-dwieli ta’ wieħed bla moħħ;
31u rajtha kollha ħaxix ħażin,
miksija kollha bil-ħurrieq,
u l-ħitan tagħha mġarrfa.
32Ħarist lejha u qgħadt naħseb;
rajtha u ħadt tagħlima:
33daqqa tongħos, daqqa torqod,
daqqa torbot idejk biex tistrieħ;
34u jiġi fuqek bħal ħalliel il-faqar,
u bħal wieħed armat l-għaks.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.