1Isimgħu, mela, dan li jgħid il-Mulej!
Qum, iddefendi ruħek quddiem il-muntanji,
ħalli l-għoljiet jisimgħu leħnek!
2Isimgħu, muntanji, it-tilwima tal-Mulej,
iftħu widnejkom, sisien l-art,
għax din hi tilwima tal-Mulej mal-poplu tiegħu,
ma’ Iżrael għandu xi jgħid:
3“X’għamiltlek jiena, poplu tiegħi?
Fiex dejjaqtek? Weġibni.
4Għax jien tellajtek mill-art tal-Eġittu,
fdejtek minn dar il-jasar;
jien bgħatt quddiemek ’il Mosè,
lil Aron u ’l Mirjam.
5Ftakar, iva, poplu tiegħi:
biex kien ħareġ Balak, sultan ta’ Mowab,
u x’wieġbu Balgħam bin Begħor?
Ftakar ma’ xiex iltqajt
minn Sittim sa Gilgal,
ħalli b’hekk tagħraf
l-għemejjel sewwa tal-Mulej.”
6“Biex se nersaq quddiem il-Mulej,
u nitbaxxa quddiem Alla l-Għoli?
Se nersaq quddiemu b’sagrifiċċji tal-ħruq
u b’għoġiela ta’ sena?
7Il-Mulej se jogħġbuh l-eluf ta’ mtaten,
u l-għaxriet ta’ eluf ta’ widien ta’ żejt?
Se noffrilu ’l ibni l-kbir
b’sagrifiċċju għad-dnub tiegħi?
Se nagħtih l-ewwel wild tiegħi,
il-frott ta’ ħdani għal ħtijieti?”
8Bniedem, huwa wriek x’inhu tajjeb
u x’jistenna minnek il-Mulej:
li tagħmel dak li hu ġust,
li tħobb u tkun ħanin,
u li tkun umli fl-imġiba tiegħek
ma’ Alla tiegħek.”Għall-qarrieqa tal-belt
9Leħen il-Mulej isejjaħ il-belt,
jiswa li wieħed jibża’ minn ismek!
“Isimgħu tribujiet u ġemgħa tal-belt!
10Se ninsa jiena dar il-ħażin,
li jiġma’ fiha t-teżori tal-ħażen,
u s-saħta tal-efa mnaqqsa?
11U l-miżien ħażin,
u l-borża bil-bċejjeċ foloz tal-użin,
nista’ jien inqishom b’tajba?
12L-għonja tagħha m’ għandhomx ħlief moħqrija
u n-nies tagħha kollhom kliem b’ieħor,
u lsienhom qerq ġo fommhom.
13Jien ukoll, mela, inneħħilek saħħtek bis-swat,
u nagħmlek ħerba għal ħtijietek.
14Tibda tiekol bla ma tixba’,
titħalla bl-istonku tiegħek vojt,
twarrab xi ħaġa u ma tfaddal xejn,
u dak li tfaddal nitlaqhulek għax-xabla.
15Tiżra’ u ma taħsadx,
tisħaq iż-żebbuġ, u ma tindilikx biż-żejt,
tagħsar l-għeneb, u ma tixrobx inbid.
16Int ħarist il-liġijiet ta’ Għomri
u d-drawwiet kollha tad-dar ta’ Aħab,
u mxejt fit-triqat li fasslu huma,
biex nagħmel minnek ħerba,
u ’l niesek jiddieħku bihom,
u int titgħabba biż-żebliħ tal-ġnus.”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.