1Għall-mexxej tal-kor. Fuq l-għanja “Iċ-ċerva tas-sebħ”. Salm ta’ David.
2Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?
Bqajt ’il bogħod u ma salvajtnix,
ma tajtx widen għall-għajjat tiegħi!
3Alla tiegħi, ngħajjat binhar u ma tweġibx,
ngħajjat billejl u ma nsibx mistrieħ.
4Imma int tgħammar fis-santwarju,
u lilek ifaħħar Iżrael!
5Fik ittamaw missirijietna,
fik ittamaw, u inti ħlisthom.
6Lejk għajtu, u inti ħlisthom;
fik ittamaw u ma tfixklux.
7Jien dudu tal-art, u mhux bniedem,
żebliħ tan-nies, tkasbir tal-poplu.
8Dawk kollha li jarawni jidħku bija,
jgħajbuni, iħarrku rashom u jgħidu:
9“F’idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu!
Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq!”
10Imma int minn ġuf ommi lqajtni;
fi ħdan ommi fis-sod qegħedtni.
11Fuqek qegħduni sa minn twelidi;
int Alla tiegħi sa minn ġuf ommi.
12La titbegħidx minni, għax qrib hu t-taħbit,
u m’hawn ħadd biex jgħinni.
13Qatgħa gniedes daru miegħi;
barrin qawwija ta’ Basan għalquni,
14b’ħalqhom miftuħ għal fuqi,
bħal iljun li jaħtaf u jgħajjat.
15Ninsab bħall-ilma msawwab,
għandi għadmi maqlugħ kollu;
qalbi hi bħal xemgħa,
iddub ġewwa fija.
16Ħalqi niexef bħal xaqqufa,
ilsieni mwaħħal ma’ ħnieki;
ninsab mitfugħ fuq trab il-mewt.
17Qabda klieb daru għalija;
ġemgħa nies ħżiena rassewni.
Taqqbuli idejja u riġlejja;
18nista’ ngħodd għadmi kollu.
B’għajnejhom fuqi jħarsu lejja.
19Ħwejġi jaqsmu bejniethom;
jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.
20Mulej, la titbegħidx minni;
qawwa tiegħi, fittex għinni!
21Eħlisli mis-sejf lil ħajti,
u mill-klieb lil ħajti l-għażiża.
22Minn ħalq l-iljun salvani,
minn qarn il-gniedes lili msejken.
23Inxandar ismek lil ħuti;
infaħħrek f’nofs il-ġemgħa.
24Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu;
sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb;
ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael.
25Għax ma warrabx minnu l-imsejken,
ma stmellx in-niket tiegħu;
anqas wiċċu ma ħeba minnu,
imma semgħu meta sejjaħlu.
26Għalhekk nagħtik it-tifħir tiegħi f’ġemgħa kbira;
inrodd il-wegħdiet tiegħi quddiem dawk li jibżgħu minnu.
27Jieklu l-fqajrin u jixbgħu;
ifaħħru l-Mulej dawk li jfittxuh.
Ħa tgħix qalbhom għal dejjem!
28Jiftakru t-truf kollha tal-art,
u jerġgħu lura lejn il-Mulej;
u quddiemu jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.
29Għax tal-Mulej hi s-saltna;
hu fuq il-ġnus isaltan.
30Lilu jqimu l-bnedmin, li jmutu;
quddiemu jmil kull min nieżel ġot-trab.
U għalih tgħix ruħi,
31lilu jaqdi n-nisel tiegħi.
32Ixandru ’l Sidi lin-nisel li għad jiġi,
ixandru l-ġustizzja tiegħu lill-poplu li għad jitwieled:
“Dan għamlu l-Mulej!”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.