ISAIJA 3 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 3Il-ġudizzju ta’ Ġuda u Ġerusalemm

1Iva, araw, is-Sid, il-Mulej tal-eżerċti

ineħħi minn Ġerusalemm u minn Ġuda

kull irfid u rifda:

kull matmura ta’ ħobż u kull ħażna ta’ ilma;

2il-qalbieni u l-gwerrier,

l-imħallef u l-profeta,

il-bassâr u l-anzjan,

3il-fizzjal tal-ħamsin u n-nobbli,

il-kunsillier u l-imgħallem tas-sħarijiet,

u l-imħarreġ fil-magħmul.

4U nagħtihom tfal bi prinċpijiethom;

u t-trabi għad jaħkmuhom.

5Il-poplu jgħakkes wieħed lil ieħor,

ħabib lil ieħor.

Iż-żgħażagħ jiżżarġnu fuq ix-xjuħ,

il-bniedem ta’ xejn fuq in-nobbli.

6U jaqbad wieħed lil ħuh f’dar missieru u jgħidlu:

“Int għandek mantar, ejja u aħkem fuqna,

ħa tkun din il-ħerba taħt idejk.”

7Imma dakinhar dan iwieġeb:

“Jien m’iniex tabib,

m’għandix f’dari u la ħobż u lanqas mantar.

La tagħmlunix ħakem tal-poplu!”

8Għax iġġarrfet Ġerusalemm u Ġuda waqgħet.

Għax ilsienhom u għemilhom kontra l-Mulej,

biex jeħduha kontra l-glorja tiegħu.

9Il-ħarsa ta’ wiċċhom tixhed kontrihom,

dnubiethom bħal Sodoma jxandru bla ma jaħbuhom.

Ħażin għalihom,

għax b’idejhom iġibu fuqhom stess il-ħsara.

10Hieni l-ġust għax tiġih tajba,

għax għad jiekol frott għemilu.

11Gwaj għall-ħażin, għax tiġih ħażina,

għax għemil idejh għad jilħquh.

12Il-poplu tiegħi, it-tfal għad jaħkmuhom,

u n-nisa għad iżarġnu fuqhom.

Poplu tiegħi, ħżiena huma l-mexxejja tiegħek,

iħarbtu t-triq tal-mogħdija tiegħek.

13Il-Mulej iqum biex jeħodha magħhom,

u jagħmel ħaqq mill-poplu tiegħu.

14Il-Mulej ġej jagħmel il-ħaqq

mill-anzjani u l-prinċpijiet tal-poplu tiegħu:

“Intom ħarbattu qasam id-dwieli,

sraqtu l-fqir u mlejtu djarkom.

15Għaliex tgħakksu l-poplu tiegħi,

u titħnu wiċċ il-fqir?”

Oraklu ta’ Sidi, il-Mulej tal-eżerċti.Il-ġudizzju ta’ bniet Sijon

16U jgħid il-Mulej:

“Il-bniet ta’ Sijon tkabbru,

jimxu b’għonqhom imserdak,

u b’għajnejhom jegħmżu,

jgħaddu jiżżegilgu,

u jċekċku ċ-ċnieċel ta’ riġlejhom.

17Għalhekk Sidi għad jiksi bil-qxur

il-qorriegħa ta’ bniet Sijon,

u għerithom jikxfilhom il-Mulej.

18Dakinhar Sidi jneżżagħhom

mit-tlellix tal-ħoloq tal-għekiesi,

mix-xmux u l-oqmra,

19mill-imsielet u l-brazzuletti,

mill-filoxx

20u l-faxex tar-ras,

mill-ġawhar imsensel mar-riġlejn,

mit-trieħi u l-kwies tal-fwejjaħ,

mill-amuleti

21u ċ-ċrieket,

mill-ħoloq għall-imnieħer,

22mill-ilbies rikk u mill-imnatar,

mix-xalel u mill-boroż,

23mill-mirja u x-xalpi tal-filoxx,

mill-ilbies tal-għażel fin,

mit-trabant u mill-krâkar.

24U jkun hemm dakinhar

minflok fwieħa, intejjen;

minflok trieħi, ħbula;

minflok xagħar midfur, qriegħi;

minflok ilbies rikk, tgeżwir bix-xkejjer;

minflok ġmiel, it-timbru tal-jasar.

25L-irġiel tiegħek jaqgħu taħt ix-xabla,

u l-qalbiena fit-taqtigħa.

26U l-bwieb tagħha jibku u jixhru,

u hi għerja, mitluqa mal-art.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help