1Ibni, tinsiex it-tagħlim tiegħi,
iżda żomm f’qalbek il-kmandamenti tiegħi;
2għax għomor twil u ħafna snin,
u riżq tajjeb iġibulek.
3It-tjieba u l-fedeltà tħallihomx iħalluk;
ma’ għonqok orbothom; iktibhom f’qalbek.
4Hekk issib xorti u isem tajjeb
quddiem Alla u l-bnedmin.
5Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha,
u tafdax fl-għaqal tiegħek.
6Fih aħseb f’kulma tagħmel,
u hu jwittilek triqatek.
7Toqgħodx taħseb kemm inti għaref,
imma ibża’ mill-Mulej u warrab mill-ħażen.
8Ħa jkun dan is-saħħa ta’ ġismek,
u d-duwa għal għadmek.
9Weġġaħ lill-Mulej b’ġidek,
u bl-ewwel dħul tal-qligħ tiegħek;
10u jimtlew bil-qamħ l-imħażen tiegħek,
u l-imgħasar bl-inbid ifuru.
11Ibni, tistmerrx it-tagħlim tal-Mulej,
u tiddejjaqx bit-twiddib tiegħu,
12għax il-Mulej iwiddeb lil min iħobb,
u jgħakkes ’l ibnu l-maħbub.
13Hieni min isib l-għerf,
u l-bniedem li jikseb id-dehen,
14għax qligħ l-għerf jiswa aktar mill-fidda,
u l-ġid li jġiblu hu aħjar mid-deheb.
15L-għerf hu egħżeż mill-ħaġar prezzjuż,
kulma tixtieq qalbek ma jiswiex daqsu.
16Għomor twil f’idu l-leminija,
għana u ġieħ fix-xellugija.
17Fihom għaxqa triqatu,
kollha sliem mogħdijietu.
18Hu siġra tal-ħajja għal min iħaddnu;
hieni hu min iżomm sħiħ miegħu.
19Bl-għerf il-Mulej waqqaf l-art,
bid-dehen saħħaħ is-smewwiet;
20bl-għerf tiegħu nfetħu qigħan il-baħar,
u s-sħab iraxxax il-qtar tan-nida.
21Ibni, żomm l-għaqal u l-qjies,
twarrabhomx minn quddiem għajnejk;
22huma jkunu l-ħajja ta’ ruħek,
u t-tiżjin ta’ għonqok.
23Imbagħad timxi bla biża’ fi triqtek,
u ma jogħtrux riġlejk.
24Jekk tmur torqod, ma jkollokx għax tibża’;
xħin timtedd, jiġik ħelu l-irqad.
25Tibżax meta tara l-boloh jitwerwru,
jew tiġi fuqhom il-ħsara tal-ħżiena,
26għax il-Mulej ikun maġenbek,
u jħarislek riġlek biex ma tinqabadx.
L-imġiba mal-proxxmu27Min ħaqqu l-ġid tiċħadhulux,
meta dan tista’ tagħmlu.
28Tgħidx lil għajrek: “Mur, u erġa’ ejja;
nagħtik għada,” meta għandek mnejn tagħtih.
29Tfassalx il-ħsara kontra għajrek,
hu u jserraħ bit-tama fik.
30Titlewwimx ma’ ħaddieħor għal xejn b’xejn,
jekk ma għamillek l-ebda deni.
31Tgħirx għall-bniedem vjolenti,
u titħajjarx timxi fuq xi mġiba tiegħu;
32għax min jimxi bl-imgħawweġ jistkerrhu l-Mulej,
imma f’idejh huma dawk li jimxu bis-sewwa.
33Is-saħta tal-Mulej f’dar il-ħżiena,
imma hu jbierek djar it-tajbin.
34Min iżeblaħ lill-oħrajn jistmellu l-Mulej,
imma lit-twajbin jagħtihom il-grazzja.
35L-għorrief jirtu l-ġieħ,
imma l-boloh jiksbu l-għajb.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.