1“Gwaj għar-rgħajja li jeqirdu u jxerrdu
l-merħla tal-mergħa tiegħi,
oraklu tal-Mulej.
2Għalhekk dan jgħid il-Mulej,
Alla ta’ Iżrael, lir-rgħajja,
li jirgħu l-poplu tiegħi:
‘Intom xerridtu n-nagħaġ tiegħi,
gerrixtuhom u ma ħadtux aktar ħsiebhom.
Arawni, se naħseb fikom jien
minħabba l-ħażen ta’ għemilkom,
oraklu tal-Mulej.
3U jiena niġbor il-fdal tal-nagħaġ tiegħi
mill-artijiet kollha li xerridthom fihom,
u rreġġagħhom lura lejn il-mergħa tagħhom,
u jnisslu u joktru.
4U nqiegħed fuqhom rgħajja li jirgħuhom,
u ma jitbeżżgħux aktar, ma jitwaħħxux;
u ħadd minnhom ma jonqos,
oraklu tal-Mulej.
5Araw, għad jasal żmien,
oraklu tal-Mulej,
meta nqajjem lil David rimja ġusta,
li jsaltan ta’ sultan,
u jmexxi bil-għaqal
u jagħmel is-sewwa u l-ħaqq fil-pajjiż.
6Fi żmienu Ġuda jkun salv,
U Iżrael jgħammar fiż-żgur.
U dan hu l-isem li jsejħulu:
‘Il-Mulej is-Sewwa tagħna.’
7Għalhekk: Arawhom, ġejjin jiem,
oraklu tal-Mulej,
meta ma jgħidux iżjed
‘Daqs kemm hu ħaj il-Mulej,
li tella’ ’l ulied Iżrael mill-art tal-Eġittu’
8imma: ‘Daqs kemm hu ħaj il-Mulej,
li tella’ u ħareġ in-nisel ta’ dar Iżrael
mill-art tat-Tramuntana,
u mill-artijiet kollha li fihom xerridhom.’
Imbagħad jistgħu jgħammru f’arthom.”
Orakli kontra l-Profeti9Għall-profeti:
Qalbi nqasmet ġewwa fija;
għadmi kollu mkexkex;
sirt qisni bniedem fis-sakra,
bħal raġel ħadu l-inbid,
minħabba l-Mulej,
u minħabba l-kliem imqaddes tiegħu.
10Għax il-pajjiż miżgħud bl-adulterji;
minħabba fihom l-art tbikkik,
u l-mergħat fid-deżert nixfu.
U l-ġiri tagħhom kollu ħażin,
u saħħithom l-inġustizzja.
11Għax imqar il-profeta u l-qassis,
ilkoll midgħajja.
Saħansitra f’dari sibt ħżunithom,
oraklu tal-Mulej.
12Għalhekk triqthom tkunilhom
mogħdija kollha żliq,
fid-dlam jinxteħtu fiha u jogħtru,
għax inġib fuqhom il-ħsara
fis-sena ta’ kastighom,
oraklu tal-Mulej.
13U fost il-profeti ta’ Samarija
rajt ukoll ħwejjeġ li jdardruk:
iħabbru f’isem Bagħal,
u jqarrqu b’Iżrael il-poplu tiegħi.
14Fost il-profeti ta’ Ġerusalemm, imbagħad,
rajt ħwejjeġ ikexkxuk:
adulterji u mġiba giddieba;
isaħħu id il-ħżiena, biex ħadd minnhom
ma jerġa’ lura minn ħżunitu.
Ilkoll għalija qishom Sodoma,
u n-nies tagħha bħal Gomorra.
15Għalhekk dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti kontra l-profeti:
“Arawni, sa nitmagħhom l-absint,
u nisqihom l-ilma avvelenat,
għax mingħand il-profeti ta’ Ġerusalemm
xtered il-ħażen mal-art kollha.”
16Dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti:
“La tisimgħux kliem li jħabbrulkom il-profeti
biex jimlewlkom moħħkom bil-frugħat.
Jgħidulkom li jiġihom f’qalbhom,
u mhux li jiġihom minn fomm il-Mulej.
17Qegħdin jgħidulhom lil dawk li jistmerru l-kelma tal-Mulej:
‘Ikollkom is-sliem,’
u lil dawk li jagħmlu li jiġihom f’moħħhom
jgħidulhom: ‘Ebda deni mhu se jilħaqkom!”
18Min minnhom qagħad fil-kunsill tal-Mulej,
u ra u sama’ kelmtu?
Min ta widen għal kelmtu biex isemmagħha?
19Arawh, ir-riefnu tal-Mulej!
Xegħel għadbu bħal tempesta qawwija,
li se tfaqqa’ fuq ras il-ħżiena.
20Għax is-saħna tal-Mulej ma terġax lura,
qabel ma tkun għamlet u temmet
ħsieb moħħu.
Fl-aħħar jiem tifhmuh sewwa.
21Ma bgħatthomx jien dawn il-profeti,
għalkemm huma marru jiġru!
Ma kellimthomx,
għalkemm huma marru jħabbru.
22Kieku qagħdu fil-kunsill tiegħi,
kienu jsemmgħu kelmti lill-poplu tiegħi,
u jreġġgħuhom lura minn triqathom,
u mill-ħażen ta’ għemilhom.
Il-ħolm u l-qerq tal-profeti foloz23“Jaqaw jien Alla fil-qrib biss,
oraklu tal-Mulej,
mhux ukoll Alla fil-bogħod?
24Jista’ bniedem jistaħba fil-moħbiet,
u jien ma narahx?
Oraklu tal-Mulej.
Ma nimliex jiena
is-sema u l-art?
Oraklu tal-Mulej.
25“Jien smajt x’qalu l-profeti li jħabbru l-gideb f’ismi u jgħidulhom: ‘Kelli ħolma! Kelli ħolma!’
26Kemm se jdum sejjer dan? Jaqaw jien f’qalb il-profeti li jħabbru l-gideb, li jħabbru t-thewdin ta’ moħħhom?
27Jaħsbu li bil-ħolm tagħhom, li jgħidu wieħed lil ieħor, se jnessu ismi lill-poplu, bħalma nsew ismi missirijiethom minħabba Bagħal?? Oraklu tal-Mulej.
29Jaqaw mhijiex kelmti bħan-nar,
jew bħal imterqa tfarrak il-blat?
Oraklu tal-Mulej.
30“Għalhekk jiena kontra l-profeti, Oraklu tal-Mulej, li jisirqu kliemi mingħand xulxin.
33“Meta jistaqsik dan il-poplu, jew xi profeta jew xi qassis, u jgħidlek: ‘X’inhu l-oraklu tal-Mulej?’ int għandek twieġeb: ‘Intom it-toqol tal-Mulej! Għalhekk jiena rmejtkom, jgħid il-Mulej.’
34“U jekk xi profeta jew xi qassis jew xi ħadd mill-poplu jsemmi ‘l-oraklu tal-Mulej’, jien nikkastiga ’l dak il-bniedem u l-familja tiegħu.
35“Hekk għandkom tistaqsu wieħed lil ieħor bejnietkom: ‘X’wieġeb il-Mulej?’ jew ‘X’qal il-Mulej?’
36Imma l-oraklu tal-Mulej m’għandkomx issemmuh aktar, għaliex għal dak li jkun, l-oraklu jkun kliemu stess. Intom qegħdin tgħawġu l-kliem ta’ Alla l-ħaj, il-Mulej tal-eżerċti, Alla tagħna.
37Hekk għandkom tistaqsu lill-profeta: ‘X’wieġeb il-Mulej?’ jew ‘X’qal il-Mulej?’
38Imma jekk tibqgħu tgħidu ‘l-oraklu tal-Mulej’, allura dan jgħid il-Mulej: ‘Talli intom bqajtu tgħidu din il-kelma: ‘oraklu tal-Mulej’, meta jien għedtilkom biex ma tgħidux: ‘oraklu tal-Mulej’,
39arawni, jien se nerfagħkom bħal toqol u nwaddabkom ’il barra minn quddiemi, lilkom u lill-belt li tajt lilkom u lil missirijietkom,
40inniżżel għajb fuqkom għal dejjem u mistħija għal dejjem li qatt ma jintesew.’ ”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.