BIN SIRAK 20 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 20Is-skiet u l-kliem

1Hemm ċanfira li mhijiex f’waqtha,

u hemm is-skiet tal-għaqli.

2Kemm hu isbaħ li wieħed iċanfar milli jagħdab!

3Min jistqarr dnubu jeħles mill-kastig.

4Bħal ewnuku mlebleb biex ikasbar xbejba,

hekk min irid jieħu raġun bis-saħħa.

5Hemm min iżomm sieket u jgħodduh b’għaref,

u hemm min jinbagħad għax ipaċpaċ ħafna.

6Hemm min iżomm sieket għax m’għandux xi jwieġeb,

u hemm min iżomm sieket għax jaf meta għandu jitkellem.

7Bniedem għaref iżomm sieket f’waqtu,

imma min hu mżattat u bla moħħ ma jqis xejn.

8Min jitkellem aktar milli jmissu jsiru jistmelluh,

u min jieħu f’idejh id-dritt li jitkellem isiru jobogħduh.

Paradossi

9Jista’ jkun hemm riżq tajjeb fl-għawġ ta’ bniedem,

u f’xi rebħa jista’ jkun hemm telfien.

10Hemm għotja li ma tiswielek xejn,

u hemm għotja li ġġiblek id-doppju.

11Hemm nuqqas ta’ ġieħ ġej mill-glorja,

u hemm min għolla rasu mill-umiljazzjoni.

12Hemm min bi ftit jixtri ħafna,

u hemm min iħallas għal seba’ darbiet.

13L-għaref jitħabbeb bi kliemu,

imma ż-żegħil tal-iblah iwarrbuh.

14L-għotja ta’ min hu bla moħħ ma tiswielek xejn,

għax flok b’għajn waħda jara b’sebgħa.

15Jagħti ftit, imma jgħoddu b’ħafna,

u ħalqu jiftħu daqs min iħabbar;

illum jislef u għada jitlob lura.

Bniedem bħal dan mhux ta’ min jaħmlu.

16L-iblah jgħid: “M’għandix ħabib,

u l-ġid li nagħmel ma jafuhulix;

17dawk li jieklu ħobżi lsienhom ħażin.”

Kemm-il darba u kemm nies jiddieħku bih!

Kliem mhux floku

18Aħjar tiżloq fl-art milli tiżloq b’ilsienek;

hekk il-waqgħa tal-ħżiena sseħħ bil-ħeffa.

19Bniedem bla grazzja hu bħal rakkont barra minn ħinu,

li qiegħed il-ħin kollu fuq fomm nies mingħajr manjieri.

20Qawl minn fomm iblah ma jintlaqax għax qatt ma jgħidu f’waqtu.

21Hemm min ma jidnibx għax jinsab fil-bżonn,

u fil-mistrieħ il-kuxjenza ma tniggżux.

22Hemm min jagħmel ħsara lilu nnifsu minħabba l-mistħija,

u jitlef ħajtu minħabba l-iblah.

23Hemm min jagħmel wegħda lil ħabib għax jistħi,

għal xejn b’xejn jagħmel għadu minnu.

Il-gideb

24Gidba hi tebgħa kerha fuq bniedem,

u qiegħda l-ħin kollu fuq fomm nies bla manjieri.

25Aħjar tagħżel ħalliel minflok giddieb,

imma t-tnejn li huma jirtu t-telfien.

26Bniedem imdorri jigdeb jisfa bla ġieħ,

u l-għajb tiegħu jibqa’ miegħu.

Il-ġieħ u l-perikli tal-għaref

27Min hu għaref fi kliemu jimxi ’l quddiem,

u bniedem għaqli jogħġob lill-kbarat.

28Min jaħdem l-art ikollu ħsad kbir,

u min jogħġob lill-kbarat jaħrab l-inġustizzja.

29Għotjiet u rigali jagħmu għajnejn l-għaref,

u bħal sarima mal-ħalq iżommuh lura miċ-ċanfir.

30Għerf moħbi, teżor ma jidhirx,

x’siwi għandhom it-tnejn li huma?

31Aqwa l-bniedem li jaħbi l-bluha tiegħu

minn wieħed li jaħbi għerfu.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help