1Ħażin għalihom dawk li f’Sijon
għandhom moħħhom mistrieħ,
dawk li qalbhom qawwija fil-muntanja tas-Samarija,
il-kbarat tal-ewwel fost il-ġnus,
li għandhom jiġu n-nies ta’ Iżrael.
2Għaddu għal Kalni u taraw,
morru minn hemm għal Ħamat il-kbira,
u inżlu lejn Gatt tal-Filistin.
Jaqaw intom aħjar minn dawn is-saltniet?
Jonkella usa’ minn tagħhom il-fruntieri tagħkom?
3Mingħalihom ’il bogħod jum il-ħsara,
waqt li qegħdin iqarrbu l-ħakma tal-vjolenza.
4Fuq sodod tal-avorju mimduda,
jitmattru fuq il-friex;
u ħrief il-merħla jieklu,
għoġiela mill-istalla;
5mal-arpa jqabblu l-għana,
bħal David strumenti jivvintaw.
6L-inbid ilegilguh minn bwieqi kbar,
u bl-ifjen żjut jindilku,
bla xejn ma jsewdu qalbhom
għall-qerda ta’ Ġużeppi.
7Għalhekk ikunu l-ewwel fost dawk li jittieħdu fl-eżilju,
u tintemm imbagħad l-għajta tal-imhejmin.
8Ħalef il-Mulej bih innifsu,
oraklu tal-Mulej tal-eżerċti:
“Nistmerr jien il-kburija ta’ Ġakobb,
nobgħod il-fortizzi tiegħu.
Għalhekk il-belt se nitlaqha b’kulma fiha.”
9Għad jiġri li jekk f’dar waħda jifdal għaxra min-nies ħajjin,
dawn ukoll imutu.
10U meta qarib ta’ xi ħadd mejjet, dak li jaħarqu,
jiġbru biex iġorr għadmu ’l barra mid-dar,
u jgħid lil min ikun ġewwa fid-dar:
‘Hemm xi ħadd ieħor miegħek?’ u dak iwieġbu: ‘Le’, jgħidlu:
‘Iskot, għax m’għandniex insemmu isem il-Mulej.’
11Għaliex, ara, il-Mulej jikkmanda,
u jaħbat għad-dar il-kbira u jagħmilha frak,
u d-dar iż-żgħira laqx.
12Jaqaw iż-żwiemel jiġru fuq il-blat?
Jaqaw jaħartu l-baħar bil-baqar?
Intom biddiltu l-ġustizzja f’velenu,
u f’imrar il-frott tal-ġustizzja.
13Intom li fraħtu b’Lo-debar,
intom li għedtu:
“Jaqaw mhux b’ħilitna li rbaħna Karnajm?”
14“Arawni: Jien inqajjem kontrikom,
dar Iżrael, ġens u jgħakksukom
mill-mogħdija ta’ Ħamat
sal-wied tal-Għaraba,”
oraklu tal-Mulej, Alla tal-eżerċti.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.