SALMI 19 - Maltese Bible with DC

Salm 19Alla awtur tal-ħolqien u l-liġi

1Għall-mexxej tal-kor. Salm ta’ David.

2Is-smewwiet ixandru l-glorja ta’ Alla,

għemil idejh tħabbar il-firxa tas-sema.

3Jum lil ieħor jagħti l-aħbar,

lejl lil ieħor iwassal it-tagħrif.

4Ma hemmx aħbar u anqas kliem,

ma hemmx leħen li ma jinstemax.

5Mal-art kollha jasal leħenhom,

mad-dinja kollha jixtered kliemhom.

Lix-xemx għamlilha għarix fihom;

6u hi, bħal għarus ħiereġ minn kamartu,

ferħana bħal ġgant għall-ġirja tagħha,

7minn truf is-smewwiet hi toħroġ,

sat-truf l-oħra d-dawran tagħha;

xejn ma jinħeba mis-sħana tagħha.

8Il-liġi tal-Mulej perfetta, u tagħti l-ħajja;

ix-xhieda tal-Mulej hi sewwa, u tgħallem lil min ma jafx.

9Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb;

il-kmandament tal-Mulej safi, u jdawwal l-għajnejn.

10Il-biża’ tal-Mulej sinċier, u jibqa’ għal dejjem;

il-ġudizzji tal-Mulej sewwa, u mseddqa għalkollox;

11egħżeż mid-deheb, mid-deheb l-aktar fin,

oħla mill-għasel u mill-qtar tax-xehda.

12Fehemhom sewwa l-qaddej tiegħek;

ħlas tajjeb għandu min iħarishom.

13In-nuqqas min jista’ jagħrfu?

Minn dak li ma nafx bih saffini.

14U mill-kburija wkoll ħares il-qaddej tiegħek,

tħalliha qatt taħkimni.

Imbagħad inkun bla ħtija

u ħieles minn dnub kbir.

15Ħa jkunu milqugħa quddiemek

kliem fommi u ħsieb qalbi,

Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help