PROVERBJI 1 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 1L-isem u s-suġġett tal-ktieb

1Il-proverbji ta’ Salamun bin David sultan ta’ Iżrael:

2biex jagħrfu l-bnedmin l-għerf u t-tagħlim,

biex jifhmu kliem l-għaqal,

3biex jieħdu tagħlim tajjeb,

skont il-ġustizzja, id-dritt u s-sewwa;

4biex jingħata d-dehen liċ-ċkejknin,

l-għerf u l-għaqal liż-żgħażagħ.

5Jisma’ wkoll l-għaref, u jżid l-għerf tiegħu,

u min jifhem jitgħallem aktar,

6biex jifhem il-proverbji u t-tixbihat,

u xi jgħidu l-għorrief u l-kliem mistur tagħhom.

7Il-biża’ tal-Mulej hu l-bidu tal-għerf;

l-għerf u t-tagħlim il-boloh imaqdruhom.

8Isma’, ibni, kliem missierek,

u twarrabx tagħlim ommok;

9dawn huma għalik kuruna sabiħa fuq rasek,

u kullana ta’ ġieħ madwar għonqok.

Aħrab il-ħżiena

11Jekk jgħidulek, “Ejja magħna;

nissajaw ħa nxerrdu d-dmija,

nistaħbew ħa naħbtu għal min hu bla ħtija;

12nibilgħuhom bħal Art l-Imwiet,

ħajjin u sħaħ, bħal dawk li jmorru fil-ħofra;

13nsibu kull ġid u għana,

nimlew djarna bil-priża;

14itfa’ xortik magħna,

ikollna lkoll but wieħed.”

15Ibni, tmurx magħhom fi triqthom,

warrab riġlejk minn mogħdijiethom;

16għax riġlejhom għall-ħażen jiġbdu,

u għat-tixrid tad-demm jgħaġġlu.

17Għalxejn tifrex ix-xibka,

fejn kull għasfur jista’ jaraha.

18Iżda dawn għal demmhom stess jissajjaw,

u għalihom infushom jonsbu.

19Din hi x-xorti ta’ min jistagħna bid-dnewwa,

il-qligħ li jikseb ineħħilu ħajtu.

Is-sejħa tal-għerf

21isejjaħ fil-bidu ta’ triq kollha storbju,

ixandar fid-daħla ta’ bibien il-belt:

22“Intom, boloh, kemm se ddumu tħobbu l-bluha?

Kemm se jdumu l-insolenti jitgħaxxqu bl-insolenzi tagħhom,

u l-boloh jobogħdu t-tagħlim?

23Agħtu widen għat-twiddib tiegħi;

jien se nsawwab ħsibijieti fuqkom,

se ngħarraf kliemi lilkom.

24Talli sejjaħtilkom, u intom ma ridtux tisimgħu,

meddejt idejja lejkom, u ħadd ma ta kas;

25talli warrabtu fil-ġenb kull parir tiegħi,

u xejn ma ridtu t-twiddib tiegħi;

26jien ukoll nidħak għall-ħsara tagħkom,

nidħak bikom meta jaqbadkom il-biża’;

27meta jaqa’ fuqkom bħal tempesta l-biża’,

u bħal riefnu tiġi fuqkom il-ħsara,

meta l-hemm u d-dwejjaq jaħkmukom.

28Imbagħad isejħuli, imma jien ma nweġibhomx;

ifittxuni, imma ma jsibunix.

29Għax huma t-tagħlim jobogħduh,

u l-biża’ tal-Mulej ma jriduhx;

30għax il-pariri tiegħi ma laqgħuhomx,

u maqdru t-twiddib kollu tiegħi.

31Mela ħa jieklu frott għemilhom,

u jixbgħu bl-għemejjel tagħhom.

32L-ebusija ta’ moħħhom nieqes toqtolhom,

u l-bruda tal-boloh teqridhom.

33Imma min jisma’ lili jgħix moħħu mistrieħ,

bla ebda tfixkil, bla biża’ tal-ħsara.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help