1Ta’ David.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
2Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek.
3Hu li jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
4jifdi lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena;
5ixabba’ bil-ġid snin ħajtek,
u bħal tal-ajkla tiġġedded żgħożitek.
6Il-Mulej jagħmel is-sewwa,
u l-ħaqq mal-maħqurin kollha.
7Hu għarraf lil Mosè l-ħsieb tiegħu,
l-għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael.
8Ħanin u twajjeb il-Mulej,
idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.
9Ma joqgħodx jitlewwem magħna,
u anqas jinkorla għal dejjem.
10Ma mexiex magħna skont ma ħaqqhom ħtijietna;
ma ħallasniex skont ma ħaqqha ħżunitna.
11Daqskemm huma s-smewwiet ’il fuq mill-art,
hekk hi kbira tjubitu ma’ min jibża’ minnu;
12daqs kemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent,
hekk hu jbiegħed minna ħtijietna.
13Bħalma jħenn il-missier għal uliedu,
hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu.
14Għax hu jaf kif aħna magħġuna,
jiftakar li aħna trab.
15Bħall-ħaxix il-ħajja tal-bniedem,
bħall-fjur tar-raba’, hekk jikber.
16Tgħaddi ż-żiffa minn fuqu, u jispiċċa,
u ħadd aktar ma jagħraf fejn kien.
17Imma t-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal dejjem
ma’ dawk li għandhom il-biża’ tiegħu,
u s-sewwa tiegħu ma’ wlied uliedhom;
18ma’ dawk li jħarsu l-patt tiegħu,
u jiftakru fil-preċetti tiegħu u jħarsuhom.
19Waqqaf il-Mulej it-tron tiegħu fis-sema,
u saltnatu fuq kollox taħkem.
20Bierku l-Mulej, anġli tiegħu kollha,
setgħana u qawwija li tagħmlu l-ordni tiegħu,
malli tisimgħu leħen il-kelma tiegħu.
21Bierku l-Mulej, eżerċti tiegħu kollha,
qaddejja tiegħu, li tagħmlu r-rieda tiegħu.
22Bierku l-Mulej, għemejjel tiegħu kollha,
kullimkien fis-saltna tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.