ĠOB 8 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 8Diskors ta’ Bildad: Alla ġust

1Qabeż jitkellem Bildad is-Suħi u qal:

2“Kemm se ddum titkellem hekk,

tvenven bħal riħ qawwi kliem fommok?

3Jista’ Alla jgħawweġ is-sewwa?

Jista’ Xaddaj imur kontra l-ġustizzja?

4Bilfors li dinbu kontrih uliedek,

biex hu raddilhom il-ħlas ta’ ħtijiethom.

5Issa jekk inti tfittex lil Alla

u tittallab il-ħniena ta’ Xaddaj,

6jekk safi int u sewwa għemilek

minn issa jdur favur tiegħek

u jroddlok id-dar li tistħoqq lilek.

7Ħaġa żgħira jkun il-ġid ta’ qabel

ħdejn il-kobor li għad ikollok.

8Staqsi biex tara lin-nisel ta’ qabilna,

u seddqu billi tistħarreġ għajdut ix-xjuħ.

9Għax aħna ġejna lbieraħ u xejn ma nafu,

bħal dell li jgħaddi ħajjitna fuq l-art.

10Mhux huma li jgħallmuk u jgħidulek

dan il-kliem ħiereġ minn qalbhom?

11‘Ma jikbirx il-papir barra mill-għadira,

lanqas jagħmel is-simar mingħajr l-ilma,

12ikun għadu jtalla’, mhux tal-qtugħ,

u jinxef qabel il-ħxejjex kollha.

13Hekk jiġrilu kull min jinsa ’l Alla,

it-tama ta’ min iwarrbu tinqered.

14Għax irqiqa sifja t-tama tiegħu,

għanqbuta l-fiduċja tiegħu.

15Iserraħ fuq daru iżda ma tiflaħx,

jaqbad magħha iżda ma żżommx.

16Iħaddar ġmielu għal għajn ix-xemx,

jifrex iż-żraġen mal-ġnien tiegħu,

17ixeblek ma’ munzell ġebel għeruqu,

u jieħu t-tira mill-blat.

18Xħin, imbagħad, jinqala’ minn postu

jiċħdu dan u jgħid: ‘Ma nafikx’.

19Dan hu, mela, it-tmiem ta’ ħajtu,

u mit-trab jinbtu oħrajn.’

20Le, Alla ma jwarrabx il-bniedem sewwa,

lanqas ma jwieżen lil min jagħmel id-dnewwa.

21Hu jerġa’ jimla bit-tbissima lil fommok,

u ’l xufftejk b’għajjat ta’ ferħ.

22Imbagħad jinksew bil-mistħija l-għedewwa tiegħek,

u l-għarix tal-ħżiena ma jkunx iżjed.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help