1Għall-mexxej tal-kor. Ta’ wlied Koraħ. Fuq “Għalamôt”. Għanja.
2Kenn u qawwa hu Alla għalina,
għajnuna kbira sibnieh fid-dwejjaq.
3Għalhekk ma nibżgħux jekk l-art titriegħed,
jew jiġġarrfu l-muntanji f’nofs ta’ baħar;
4anqas jekk jgħajtu u jogħlew ilmijietu,
jew jitheżżu l-muntanji bit-tqanqil tiegħu.
Il-Mulej tal-eżerċti magħna,
fortizza għalina Alla ta’ Ġakobb!
5Hemm xmara li s-swieqi tagħha
iferrħu l-belt ta’ Alla,
l-għamara qaddisa tal-Għoli.
6Hemm Alla f’nofsha, ma titħarrikx;
jgħinha Alla mat-tbexbix tas-sebħ.
7Triegħdu l-ġnus, iġġarrfu s-saltniet,
iddewbet l-art, malli samma’ leħnu.
8Il-Mulej tal-eżerċti magħna,
fortizza għalina Alla ta’ Ġakobb!
9Ejjew, araw x’għamel il-Mulej,
għemejjel tal-għaġeb fuq l-art.
10Iwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art;
l-ark jaqsam u l-lanza jkisser,
jaħraq it-tarki bin-nar, u jgħid:
11“Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla,
għoli fuq il-ġnus, għoli fuq l-art!”
12Il-Mulej tal-eżerċti magħna,
fortizza għalina Alla ta’ Ġakobb!
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.