ISAIJA 10 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 10

1Gwaj għal dawk li jagħmlu l-ħaqq ħażin,

u għall-kittieba ħfief biex jiktbu d-dnewwa;

2li jwarrbu mill-ġustizzja l-imsejknin,

u jisirqu jedd il-fqar tal-poplu tiegħi;

jagħmlu priża mir-romol,

u jaħtfu ġid l-iltiema.

3X’se tagħmlu f’jum il-kastig?

Fil-ħerba li ġejja mill-bogħod?

Lejn min sa dduru għall-għajnuna?

U ġidkom fejn se tħalluh?

4Ma jibqgħalkomx ħlief titrekknu qalb l-ilsiera,

jew taqgħu fost il-mejtin.

Madankollu għadbu ma reġax lura

u idu għadha merfugħa.

L-Assirja l-ħatar f’idejn il-Mulej

5Gwaj għall-Assirja, il-ħatar ta’ għadbi

u l-għasluġ fil-qilla tiegħi.

6Għall-poplu midgħi jien nibagħtu,

u kontra l-ġens tad-dagħdigħa tiegħi jien nordnalu,

li jħarbtu bla ħniena, jaħtaflu l-priża,

u jgħaffeġ fuqu bħat-tajn tal-art.

7Imma hu ma jifhimhiex hekk,

u f’qalbu ma jidhirlux hekk:

għax f’qalbu għandu li jħarbat,

u jeqred ġnus fuq ġnus.

8Għax jgħid:

“Jaqaw il-prinċpijiet tiegħi mhumiex kollha slaten?

9Mhijiex Kalnu bħal Karkemis?

Mhijiex Ħamat bħal Arfad?

Mhijiex Samarija bħal Damasku?

10Bħalma idejja laħqu dawn is-saltniet tal-allat,

fejn kellhom idoli aktar minn Ġerusalemm u Samarija;

11bħalma għamilt lil Samarija u lil allatha,

ma nagħmilx lil Ġerusalemm u lil allatha?”

12U meta Sidi jtemm li għandu jagħmel fuq

l-għolja ta’ Sijon u Ġerusalemm, hu jikkastiga l-frott tal-kburija ta’ qalb is-sultan tal-Assirja u l-ħarsa mżarġna tar-refgħa ta’ għajnejh.

13Għax hu qal:

“Bis-saħħa ta’ jdejja għamilt dan;

u bl-għaqal tiegħi, għax moħħi jilħaqli,

neħħejt il-fruntieri tal-popli,

u ħtaftilhom ġidhom,

u bħall-ġorf niżżilt lis-slaten.

14U idi, bħallikieku sabet bejta,

ħatfet ġid il-popli.

Bħalma jiġbru l-bajd mitluq,

jien ġbart l-art kollha,

bla ma ħadd ħarrek ġwenħajh,

jew fetaħ munqaru u pespes.”

15Forsi qatt ftaħret il-mannara

kontra min iqaċċat biha?

Forsi l-munxar qatt qam għal min jaħdem bih?

Bħallikieku l-ħatar jista’ jħarrek lil min jerfgħu,

jew l-għasluġ lil dak li mhux xi biċċa għuda?

16Għalhekk għad jibgħat is-Sid,

il-Mulej tal-eżerċti,

l-għelubija f’simnitu,

u f’ġewwenih iqabbadlu l-ħruq,

il-ħruq tan-nar.

17U x-xrara ta’ Iżrael issir nar,

il-Qaddis ta’ Iżrael nar iħeġġeġ,

jaħraq u jikkonsma f’jum wieħed

il-ħurrieq u x-xewk.

18U l-ġmiel tal-masġar u tal-ġnien tiegħu

itemmu għalkollox,

bħal bniedem mifni u mitluq.

19U jingħadd il-fdal tas-siġar tal-masġar tiegħu;

biżżejjed tfajjel biex jgħoddhom.

Il-fdal ta’ Iżrael

20U jiġri dakinhar li

l-fdal ta’ Iżrael u l-bqija ta’ dar Ġakobb

ma jibqgħux iżjed jistrieħu fuq min sawwathom,

imma jitwieżnu bis-sewwa fuq il-Mulej,

il-Qaddis ta’ Iżrael.

21Fdal jerġa’ lura,

il-fdal ta’ Ġakobb,

lejn Alla, il-Qawwi tagħhom.

22Għax, imqar jekk il-poplu tiegħek Iżrael,

ikun bħar-ramel tal-baħar,

fdal biss minnu għad jerġa’ lura:

għax il-qerda tagħhom hi deċiża,

deċiżjoni tfawwar bil-ġustizzja.

23Iva, deċiża l-qerda li se jagħmel Sidi,

il-Mulej tal-eżerċti,

fl-art kollha.

24Għalhekk dan jgħid Sidi, il-Mulej tal-eżerċti:

“La tibżax, poplu tiegħi,

int li tgħammar f’Sijon,

mill-Assirja li sawtitek,

refgħet fuqek il-bastun tagħha,

bħalma għamlulek fl-Eġittu.

25F’qasir żmien għad tibred is-saħna tiegħi,

u l-korla tiegħi ddur għall-qerda tagħhom.

26Imbagħad il-Mulej tal-eżerċti

ixejjer sawt għal fuqu,

bħalma darba ħabat għal Midjan

ħdejn il-blata ta’ Għoreb;

u l-bastun jerfa’ għal fuq il-baħar,

bħalma refgħu għall-Eġittu.

27U jiġri dakinhar

li titneħħa minn fuq spalltek it-tagħbija,

u l-madmad tiegħu jitkisser minn fuq għonqok.

L-avanzata tal-Assirja

U l-qerried tala’ minn Rimmon,

28wasal Għajjat, qasam minn Migron,

f’Mikmas ħalla t-tagħmir tiegħu;

29qasmu l-mogħdija,

f’Geba waqqfu l-kamp,

Rama titriegħed,

Gibgħa ta’ Sawl ħarbet.

30Għolli leħnek, Bat-gallim.

Agħti widen, Lajsa;

wieġeb, Għanatot.

31Madmena maħruba,

in-nies ta’ Gebim ifittxu l-kenn.

32Illum stess ikun f’Nob,

u jxejjer idu lejn l-għolja ta’ bint Sijon,

il-muntanja ta’ Ġerusalemm.

33Arawh is-Sid, il-Mulej tal-eżerċti,

iqaċċat il-friegħi bil-mannara,

jitqaċċtu l-ogħla,

u jiġġarrfu l-għoljin.

34Jaħsad il-qalba tal-masġar bil-ħadid,

u jiġġarraf il-Libanu bi ġmielu.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help