1Għall-mexxej tal-kor. Salm ta’ David.
2Mulej, bil-qawwa tiegħek jifraħ is-sultan;
kemm jithenna bir-rebħa tiegħek!
3Ix-xewqa ta’ qalbu int qtajthielu,
ma ċħadtlux it-talba ta’ fommu.
4Għax inti lqajtu bil-barka u r-riżq,
kuruna ta’ deheb fin qegħedtlu fuq rasu.
5Il-ħajja talbek, u int tajthielu,
għomor twil minn żmien għal żmien.
6Kbir hu sebħu bir-rebħa li tajtu;
ġieħ u ġmiel int tqiegħed fuqu.
7Lilu tagħti barkiet għal dejjem,
tferrħu u thennih bis-sebħ ta’ wiċċek.
8Għalhekk is-sultan fil-Mulej jittama,
għall-ħniena tal-Għoli qatt ma jitħarrek.
9Tilħaq idek l-għedewwa kollha tiegħek,
tilħaq lemintek ’il min jobogħdok.
10Malli int tidher, forn tan-nar tagħmilhom.
Fil-qilla tiegħu jiblagħhom il-Mulej, u n-nar jeqridhom.
11Nisilhom mill-art int teqred,
’l uliedhom minn fost il-bnedmin.
12Għax riedu jagħmlu l-ħsara lilek;
nasbu d-deni, iżda ma rnexxilhomx.
13Għax inti ġġegħelhom jaħarbu,
xħin timmira l-qaws kontrihom.
14Tkabbar, Mulej, bil-qawwa tiegħek!
Ħa ngħannu u nfaħħru s-saħħa tiegħek.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.