SALMI 139 - Maltese Bible with DC

Salm 139Alla jinsab kullimkien

1Lill-mexxej tal-kor. Salm ta’ David.

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;

2int taf meta noqgħod u meta nqum,

int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.

3Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;

triqati kollha inti tafhom sewwa.

4Inkun għadni anqas lissint il-kelma,

meta int, Mulej, tkun ġa tafha kollha.

5Dawramejt inti tħaddanni,

u tqegħedli idek fuqi.

6L-għerf tiegħek tal-għaġeb, ma nwassalx għalih;

għoli wisq, u ma nlaħħaqx miegħu.

7Fejn immur ’il bogħod mill-ispirtu tiegħek?

Jew fejn nista’ naħrab minn quddiem wiċċek?

8Jekk nitla’ fis-smewwiet, hemm int;

jekk nimtedd f’qiegħ l-art, int hemm ukoll.

9Jekk nilbes il-ġwienaħ tas-sebħ,

u mmur ngħammar fi truf il-baħar,

10hemm ukoll tilħaqni idek,

u taqbadni l-leminija tiegħek.

11Jekk ngħid: “Ħa jaħbini d-dlam,

ħa jkunli d-dawl lejl madwari,”

12anqas id-dlam ma hu mudlam;

għalik il-lejl jiddi bħan-nhar;

id-dlam bħad-dawl għalik.

13Għax int sawwart il-ġewwieni tiegħi,

u f’ġuf ommi inti nsiġtni.

14Irroddlok ħajr, għax b’mod tal-għaġeb għamiltni:

tal-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek.

U ’l ruħi inti tafha tajjeb.

15Ma kienx moħbi għadmi minnek,

meta kont qiegħed insir fis-satra

u nintiseġ fil-qigħan tal-art.

16Raw għajnejk l-għemejjel tiegħi:

kollha nkitbu fil-ktieb tiegħek;

u jiemi kienu ġa magħduda

meta ebda wieħed ma kien għad hemm.

17Kemm huma tqal ħsibijietek għalija, o Alla!

Kemm hu bla tarf l-għadd tagħhom!

18Li kelli ngħoddhom, huma aktar mir-ramel;

xħin nasal fl-aħħar, inkun għadni fil-bidu miegħek.

19Mhux li kont teqred il-ħżiena, o Alla!

Mhux li l-qattiela jitbiegħdu minni!

20Nies li b’qerq kontrik jeħduha,

li għalxejn kontrik iqumu.

21Kemm nobgħodhom, Mulej, lil dawk li jobogħduk,

kemm nistmellhom lil dawk li jqumu kontrik!

22B’mibegħda mill-akbar nobgħodhom,

għalija huma għedewwa tiegħi.

23Għarbilni, o Alla, u agħraf qalbi;

iflini, u kun af ħsibijieti.

24Ara iniex miexi fi triq ħażina,

u mexxini fit-triq ta’ dejjem.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help