ISAIJA 57 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 57

1Il-ġust jinqered,

imma ħadd ma jħoss għalih.

In-nies twajba jinġabru,

iżda ħadd ma jagħti kas.

Iva, il-ġust jinġabar minħabba l-ħażen;

2jidħol fis-sliem,

jistrieħu fuq friexu kull min jimxi dritt.

Il-kulti moqżieża tal-fertilità

3“Imma intom, ulied is-saħħara, ersqu ’l hawn,

nisel l-adultera u l-prostituta.

4B’min qegħdin tiddieħku?

Kontra min qegħdin tfettħu ħalqkom,

u toħorġu lsienkom?

Jaqaw m’intomx ulied id-dnub,

ulied il-qerq?

5Intom tmorru b’demmkom ibaqbaq taħt il-ballut;

taħt kull siġra tħaddar;

toqtlu t-trabi fil-widien,

fi xquq l-irdumijiet.

6Fil-ġebel lixx tal-wied sehmek;

dan, dan xortik.

Lilhom sawwabt il-libazzjonijiet,

ġibt l-offerta tas-sagrifiċċju.

Nista’ jien noqgħod bi kwieti b’dan?

7Fuq muntanja għolja u wieqfa,

int poġġejt friexek,

u hemm fuq tlajt toffri s-sagrifiċċju.

8U wara l-bieb u l-koxox tiegħu,

l-arma tiegħek dendilt.

U mbiegħda minni xaqlibt il-friex u tlajt;

wassajt soddtok u ftehemt magħhom,

ma’ dawk li ħabbejt friexhom,

u lejn għerithom ħarist ċassa.

9Ersaqt lejn alla Molek biż-żejt midluka,

u żidt il-fwejjaħ tiegħek.

Bgħatt ’il bogħod il-messaġġiera tiegħek,

sa tbaxxejt sal-Art l-Imwiet.

10Minkejja li nkeddejt bl-imġiba tiegħek,

qatt ma għedt: “Qtajt qalbi!”

Sibt il-qawwa għal ħajtek,

għalhekk qatt ma nfnejt.

11Minn min twerwirt u bżajt,

biex tħassart daqshekk,

biex anqas fija biss ma ftakart,

u anqas biss ma ħsibt?

Mhux għax jiena bqajt sieket u għalaqt għajnejja

li inti bżajt minni?”

12Jien għad inxandar is-sewwa tiegħek u għemilek,

imma dawn xejn ma jiswewlek.

13Ħa jsalvawk l-idoli miġmugħa tiegħek,

meta ssejħilhom.

Ir-riħ għad itajjarhom

u ż-żiffa ġġorrhom.

Imma min jitma fija jiret l-art,

u jiret il-muntanja mqaddsa tiegħi.

14U għad jgħid:

“Iftħu, iftħu t-triq, wittuha!

Neħħu t-tfixkil minn triq il-poplu tiegħi!”

15Għax dan jgħid min qiegħed merfugħ fl-għoli,

li jgħix għal dejjem u qaddis ismu:

“Jien ngħammar fl-għoli u f’post qaddis,

imma l-istess jien qiegħed mal-bniedem

b’qalb maqsuma u umiljat f’ruħu;

biex naħji r-ruħ umiljata,

inqawwi l-qalb miksura.

16Għax ma nitlewwimx għal dejjem,

u lanqas ma ninkorla għalkollox;

għax kieku tinfena r-ruħ quddiemi,

u nifs il-ħajja li jiena ħlaqt.

17Minħabba ħżunitu għal ftit għadabt,

u sawwattu u nħbejt inkurlat,

imma xorta waħda baqa’ miexi għal rajh fit-triq ta’ qalbu.

18Jiena rajt triqatu, u rrid infejqu,

immexxih u nroddlu l-faraġ,

u lil dawk li jibkuh,

noħolqilhom kelma frott ix-xufftejn:

19Sliem, sliem, lil kulħadd, fil-bogħod u fil-qrib,

jgħid il-Mulej, infejjaqhom ilkoll.

20Imma l-ħżiena bħal baħar imqanqal,

li ma jista’ jsib kwiet b’xejn,

u ilmijietu jqanqlu ħama u tajn.

21M’hemmx sliem għall-ħżiena,”

jgħid Alla tiegħi.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help