2 KORINTIN Ħarsa ħafifa lejn l-ittra - Maltese Bible with DC
Ħarsa ħafifa lejn l-ittraKien żmien diffiċli fir-relazzjoni ta’ Pawlu mal-insara ta’ Korintu. Xi wħud kienu ħaduha kontra tiegħu bl-ikrah u xlewh li ma kienx appostlu tassew u kien wasslilhom tagħlim falz. Fiċ-ċirkostanzi, Pawlu ħass li ma kellux jerġa’ jżurhom kif kien xtaq, u kif kienu xtaqu wkoll l-insara li baqgħu leali lejh.Hu ma xtaqx li jimponi ruħu fuq min ma riedx il-preżenza tiegħu, u għalhekk bil-għaqal kollu uża din is-sitwazzjoni biex ikun ta’ eżempju għall-Korintin. Hu kien lest li jaħfer u jagħder lil min qalagħlu l-inkwiet u ried li l-insara jitgħallmu jagħmlu l-istess bħalu.Pawlu jieħu l-okkażjoni wkoll biex ifakkar lill-komunità nisranija kemm Alla kien ġeneruż magħhom. Hekk għandhom ikunu ġenerużi huma ma’ nsara oħra fil-bżonn. Jagħmel appell għall-għajnuna għall-insara tal-Lhudija li kienu qed jgħixu fi tbatijiet kbar minħabba nuqqas ta’ xita fil-Palestina.Pawlu jistaqsi jekk għandux bżonn kredenzjali biex jiġi milqugħ bħala qaddej tal-Patt il-Ġdid ta’ Alla. Iwieġeb din il-mistoqsija rettorika hu nnifsu billi jgħidilhom li huma stess kienu l-kredenzjali tiegħu bl-Evanġelju li kienu laqgħu. Jistqarr li lest isofri kull tip ta’ inġurji, l-aqwa li jwassal l-Aħbar it-Tajba lill-popli.Hu Alla nnifsu li kiteb f’qalb il-bniedem il-kelma tiegħu:Kollox ġej minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu u tana l-ministeru ta’ din il-ħbiberija tal-bnedmin ma’ Alla. Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu, bla ma qagħad iżomm il-kont ta’ dnubiethom, u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija. Aħna ambaxxaturi ta’ Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejħilkom permezz tagħna (5,18-20).It-taqsim tal-ittraIntroduzzjoni (1,1-11)Pawlu u l-Knisja f’Korintu (1,12—7,16)L-offerta mibgħuta lill-insara fil-Lhudija (8,1—9,15)Id-difiża ta’ Pawlu dwar l-awtorità tiegħu ta’ appostlu (10,1—13,10)Konklużjoni (13,11-13)