ISAIJA 53 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 53

1Min kien jemmen dak li smajna,

u f’min intwera driegħ il-Mulej?

2Bħal xitla kiber quddiemna,

u bħal għerq minn art niexfa.

Ebda sura ma kellu,

u ebda ġmiel biex inħarsu lejh,

jew xi sura biex nitgħaxxqu bih.

3Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin,

bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard,

bħal wieħed li n-nies jaħbu wiċċhom minnu,

bniedem imżeblaħ, u aħna xejn ma qisnieh.

4Iżda hu rafa’ fuqu l-mard tagħna,

tgħabba bin-niket tagħna.

Aħna ħsibnieh bħal wieħed ikkastigat,

mitluq minn Alla u miġjub fix-xejn.

5Iżda hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna,

misħuq minħabba fi ħżunitna.

Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu,

u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna.

6Aħna lkoll bħal nagħaġ mitlufa,

kull wieħed minna qabad triq għal rasu.

U l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll.

7Ħaqruh, u hu qagħad għalihom

bla biss ma fetaħ fommu;

bħal ħaruf meħud għall-qatla,

u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha,

ma fetaħx fommu.

8Bil-forza u l-ħaqq neħħewh;

u min qagħad jaħseb fuq xortih?

Iva, qaċċtuh mill-art tal-ħajjin,

minħabba fi dnub il-poplu tiegħi kien midrub.

9U tawh qabar mal-ħżiena,

u mal-għonja difnuh,

għalkemm ma għamel ebda deni,

u minn fommu ma ħareġ ebda qerq.

10Iżda l-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard.

Talli joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ riparazzjoni,

huwa għad jara nisel u jtawwal jiemu;

u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih.

11Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl,

jixba’ bit-tagħrif tiegħu.

Il-Ġust jiġġustifika lill-qaddej tiegħu quddiem il-kotra,

u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu.

12Għalhekk nagħtih il-kotra b’sehmu,

u jkollu sehem fil-priża mal-qalbenin,

għaliex hu offra ruħu għall-mewt,

u kien magħdud mal-midinbin.

Hu li neħħa l-ħtijiet tal-kotra,

u ndaħal għall-midinbin.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help