BIN SIRAK 33 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 33

1L-għawġ ma jiġix fuq min jibża’ mill-Mulej,

u f’kull tiġrib jeħilsu għal darba tnejn.

2Bniedem għaqli ma jobgħodx il-Liġi,

u min juri wiċċ b’ieħor fil-ħarsien tagħha qisu dgħajsa fil-maltemp.

3Min jifhem jafda fil-Liġi,

u joqgħod fuqha daqs kelmet oraklu.

4Ħejji dak li għandek tgħid, u hekk tkun mismugħ,

iġbor flimkien dak li tgħallimt, u mbagħad agħti tweġiba.

5Bħal rota ta’ karettun qalb l-iblah;

u ħsibijietu bħal rota ddur.

6Żiemel għar-razza l-ħabib tad-daħk;

jiżher taħt kull min jirkeb fuqu.

Ħaġa mhix bħal oħra

7Għaliex jum hu aħjar minn ieħor

meta d-dawl ta’ kull jum is-sena kollha ġej mix-xemx?

8Bl-għerf tiegħu l-Mulej għażel wieħed minn ieħor

u qassam iż-żminijiet u l-festi.

9Uħud minnhom għolliehom fuq l-oħrajn u qaddishom,

u wħud minnhom għamilhom jiem tas-soltu.

10U l-bnedmin kollha ġejjin mit-trab,

u Adam kien maħluq mill-art.

11Fil-milja ta’ għerfu l-Mulej għażel wieħed minn ieħor,

u għamel li triqathom ma jkunux jixxiebhu.

12Uħud minnhom berikhom u għolliehom,

uħud minnhom qaddishom u ressaqhom lejh;

imma wħud minnhom seħethom u tefagħhom ’l isfel,

u warrabhom minn fejn kienu.

13Bħal tafal f’idejn il-fuħħari,

- kollox jagħmel skont ma jogħġob lilu -

hekk il-bnedmin f’idejn min għamilhom:

jagħtihom skont kif jaqtagħha hu.

14Kontra l-ħażin hemm it-tajjeb,

u kontra l-mewt hemm il-ħajja,

kontra l-midneb hemm il-bniedem sewwa.

15Hekk ukoll jekk tħares lejn l-għemejjel kollha tal-Għoli;

qegħdin tnejn tnejn, wieħed kontra l-ieħor.

16U jien l-aħħar wieħed li bqajt nishar,

bħal min ilaqqat il-fdal wara ġbir il-għeneb.

17Bil-barka tal-Mulej ġejt ’il quddiem,

bħal min jiġbor l-għeneb u jimla l-magħsar.

18Araw li mhux għalija biss tħabatt,

imma għal dawk kollha li jfittxu t-tagħlim.

19Isimgħu minni, kbarat tal-poplu;

mexxejja tal-ġemgħa, agħtuni widen.

Mingħajr xkiel

20Lil ibnek u ’l martek, lil ħuk u ’l ħabibek,

tul ħajtek tagħtihomx setgħa fuqek.

Il-ġid li għandek tagħtihx lil ħaddieħor,

biex ma jisgħobx bik u titlobhulu lura.

21Sakemm għadek ħaj u qed tieħu n-nifs,

tintreħa f’idejn l-ebda bniedem.

22Għax aħjar li wliedek jitolbu lilek,

milli int tistenna xi ħaġa minn idejn uliedek.

23Kun mill-aħjar f’kulma tagħmel,

u ttebbax ġieħek.

24Dakinhar li jaslu fit-tmiem jiem ħajtek,

meta tkun wasalt fl-aħħar, qassam wirtek.

L-ilsiera

25Għalf, bastun, u tagħbija għall-ħmar,

ħobż, dixxiplina, u xogħol għall-qaddej tiegħek.

26Qabbad il-qaddej tiegħek jaħdem, u ssib il-mistrieħ,

ħallih b’idejh qiegħda, u jfittex il-ħelsien.

27Madmad u riedni jgħawġu l-għonq,

xkiel u frosta għall-qaddej ħażin.

28Itfgħu għax-xogħol biex ma jitgħażżinx,

għax l-għażż jgħallem il-ħażen kollu.

29Qiegħdu fuq xogħol bħalma jistħoqqlu,

u jekk ma jobdix xekkillu riġlejh.

30Imma lil ħadd m’għandek tgħabbi żżejjed,

u tagħmel xejn mingħajr ma taħsibha.

31Jekk għandek qaddej, għandu jkun bħalek,

għaliex inti ksibtu bil-prezz ta’ demmek.

32Jekk għandek qaddej, żommu bħal ħuk,

għax teħtieġu daqsek innifsek.

33Jekk iġġib ruħek ħażin miegħu u jitilqek u jaħrab,

fejn taqbad tfittxu?

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help