EŻODU 36 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 36

1Besalel u Oħolijab u kull bniedem tas-sengħa li l-Mulej tah għerf u dehen, biex jagħrfu jaħdmu kull xogħol meħtieġ għas-servizz tas-santwarju, ħadmu skont kulma kien ordna l-Mulej.Eż 31,1-6.

2Mosè sejjaħ lil Besalel u ’l Oħolijab u kull bniedem tas-sengħa li l-Mulej tah l-għerf u ’l dawk kollha li għamlu l-qalb li joffru ruħhom għax-xogħol.

3U ħadu mingħand Mosè l-offerti kollha li l-poplu ta’ Iżrael kien ġieb minn rajh għas-servizz tas-santwarju li kellu jsir. Imma l-poplu baqa’ jġiblu offerti għodwa wara l-oħra.

4U ġew in-nies tas-sengħa, li kienu jaħdmu x-xogħol tas-santwarju, kull wieħed minn fuq ix-xogħol li kien qiegħed jagħmel,

5u qalu lil Mosè: “In-nies qegħdin iġibu iżjed milli jeħtieġ għax-xogħol li ordnalna nagħmlu l-Mulej.”

6Imbagħad Mosè ordna li jxerrdu l-kelma fil-kamp li tgħid: “Ebda raġel jew mara m’għandhom jagħmlu xejn iżjed biex joffru għas-santwarju” u l-poplu ma tħalliex iġib iżjed

7għax kien hemm biżżejjed, anzi ż-żejjed, għax-xogħol li kellu jsir.

Id-drapp għat-tabernaklu

8Imbagħad in-nies tas-sengħa fost il-ħaddiema għamlu t-tabernaklu b’għaxar purtieri tal-għażel minsuġ fin, vjola, porpra u skarlatt, bil-kerubini minsuġin fihom bis-sengħa.Eż 26,1-29.

9Kull purtiera kienet tmienja u għoxrin driegħ twila u erbat idriegħ wiesgħa, kollha daqs wieħed.

10U ħames purtieri minnhom għaqqadhom flimkien waħda mal-oħra; u hekk ukoll il-ħamsa l-oħra għaqqadhom waħda mal-oħra.

11U għamel qfieli vjola fil-keffa tal-purtiera ta’ barra ta’ sett minnhom, u hekk ukoll għamel fil-keffa tal-purtiera ta’ barra tat-tieni sett.

12Għamel ukoll ħamsin qafla f’purtiera waħda, u ħamsin qafla fil-keffa tal-purtiera tat-tieni sett; il-qfieli kienu jaqblu waħda mal-oħra.

13Għamel ukoll ħamsin ħolqa tad-deheb, u għaqqad il-purtieri flimkien waħda mal-oħra bil-ħoloq, u hekk it-tabernaklu sar ħaġa waħda.

14Għamel ukoll purtieri tax-xagħar tal-mogħoż għat-tinda tat-tabernaklu; ħdax-il purtiera għamel minnhom.

15Kull purtiera kienet ta’ tletin driegħ tul u l-wisa’ tagħha erbat idriegħ; il-ħdax-il purtiera kienu daqs wieħed.

16Ħames purtieri minnhom għaqqadhom flimkien, u hekk ukoll is-sitta l-oħra.

17Imbagħad għamel ħamsin qafla fil-keffa tal-purtiera ta’ barra f’sett, u ħamsin qafla oħra fil-keffa tal-purtiera ta’ barra tas-sett l-ieħor.

18Għamel ukoll ħamsin ħolqa tal-bronż biex jgħaqqad it-tinda u ssir ħaġa waħda.

19Għamel ukoll għata mill-ġlud tal-muntun miżbugħin ħomor u għata tad-denfil għal fuq kollox.

It-tavlar tat-tabernaklu

20U għamel twavel wieqfa tal-gażżi għat-tabernaklu.

21Kull waħda kienet għaxart idriegħ twila, u driegħ u nofs wiesgħa.

22Kien hemm żewġ minċotti f’kull tavla, biex jgħaqqadhom ma’ xulxin; u għamel l-istess bit-twavel kollha tat-tabernaklu.

23U qassam it-twavel tat-tabernaklu b’dan il-mod: għoxrin tavla n-naħa t’isfel, iħarsu lejn in-Nofsinhar;

24u għamel erbgħin maqgħad tal-fidda taħt l-għoxrin tavla; tnejn taħt waħda għaż-żewġ minċotti tagħha, u żewġ imqagħad għal taħt l-oħra għaż-żewġ minċotti tagħha.

25U fuq it-tieni naħa li tħares lejn it-Tramuntana, għoxrin tavla oħra,

26bl-erbgħin maqgħad tagħhom tal-fidda, tnejn taħt waħda u tnejn taħt oħra.

27Fuq in-naħa ta’ wara li tħares lejn il-Punent għamel sitt twavel.

28U għamel żewġ twavel ukoll għall-kantunieri tan-naħa ta’ wara;

29minn isfel kienu magħqudin ma’ xulxin, u mir-ras kienu jidħlu f’ħolqa waħda; u għamel l-istess għat-tnejn: dawn kienu jservu għaż-żewġ kantunieri.

30U kien hemm tmien twavel bil-maqgħad tagħhom tal-fidda, sittax-il maqgħad b’kollox, żewġ imqagħad taħt tavla, u żewġ imqagħad taħt oħra.

31U għamel traversi tal-gażżi; ħamsa għat-twavel ta’ naħa,

32u ħamsa għan-naħa l-oħra tat-tabernaklu; ħamsa oħra għan-naħa ta’ wara tat-tabernaklu, li tħares lejn il-Punent.

33U t-traversa tan-nofs, f’nofs l-għoli tat-twavel, tgħaddi minn tarf għall-ieħor.

34U kesa t-twavel bid-deheb; u għamel ħoloq tad-deheb, biex iżommu t-traversi, u kesa t-traversi bid-deheb.

Il-velu

35Għamel ukoll il-velu tal-għażel minsuġ fin, fil-vjola, porpra u skarlatt, b’kerubini minsuġin fih, xogħol tas-sengħa.Eż 26,31-32.

36U għamillu erba’ kolonni tal-gażżi bil-ganċijiet tagħhom tad-deheb, u erba’ mqagħad tal-fidda mdewba.

37Għamel ukoll purtiera fid-dħul tat-tabernaklu tal-għażel minsuġ fin, vjola, porpra u skarlatt, xogħol in-nissieġ.

38U kesa bid-deheb il-ħames kolonni tagħhom, il-ganċijiet tagħhom, l-irjus, u l-ħoloq tagħhom. U għamel l-imqagħad tagħhom tal-bronż.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help