1Għal Mowab: dan jgħid il-Mulej tal-eżerċti, Alla ta’ Iżrael:
“Gwaj għal Nebu, saret ħerba,
waqgħet fl-għajb, inqabdet Kirjatajm;
imgħajba u mirbuħa l-fortizza.
2Ma għadhiex aktar il-foħrija ta’ Mowab,
f’Ħesbon ifasslu l-ħażen kontrih:
“Ejjew ħa neqirduh minn fost il-ġnus.’
U int ukoll, Madmèn, għad isikktuk;
għal warajk għad tiġri x-xabla.
3Isma’ l-għajjat minn Ħoronajm!
Ħerba u tkissir bil-kbir!
4Tfarrak Mowab,
l-għajjat jinstama’ sa minn Segor.
5Għax it-telgħa ta’ Luħit
imbikkija jitilgħuha.
Għax fin-niżla ta’ Ħoronajm
jisimgħu l-għajta tal-qerda.
6Aħarbu! Salvaw ħajjitkom,
kunu bħal ħmar selvaġġ fix-xagħri.
7Għax int qegħedt it-tama tiegħek
fix-xogħol ta’jdejk u t-teżori tiegħek,
int ukoll għad jaqbduk.
U Kemos jitlaq għall-eżilju
bil-qassisin u l-prinċpijiet tiegħu.
8U l-qerried jilħaq ’il kull belt,
u ebda belt ma teħlisha;
jitħarbat il-wied,
tinqered il-wita,
bħalma qal il-Mulej.
9Agħti l-ġwienaħ lil Mowab ħalli jtir,
għax blietu jsiru ħerba,
u ħadd aktar ma jgħammar fihom.
10Misħut il-bniedem li jagħmel xogħol il-Mulej b’nofs kedda;
u misħut hu min iżomm ix-xabla ’l bogħod mid-demm.
11Mowab kien bi kwietu sa minn żgħożitu,
u mistrieħ fil-bittija
u qatt ma tferragħ minn ġarra għal ġarra,
u fl-eżilju qatt ma mar.
Għalhekk dejjem baqgħetlu t-togħma tiegħu,
u r-riħa tiegħu qatt ma nbidlet.
12Għalhekk arahom ġejjin jiem,
oraklu tal-Mulej,
meta nibgħat nies li jqallbu l-ġarar,
u jqallbuh, u jferrgħu l-ġarar kollha tiegħu,
u jitħnu l-qolol tagħhom.
13U Mowab għad jistħi minn Kemos bħalma stħaw dar Iżrael
minn Betel, it-tama tagħhom.
14Kif tistgħu tgħidu:
‘Qalbiena aħna u rġiel ta’ ħila għall-ġlied’?
15Il-qerried ta’ Mowab u blietu tela’,
u l-aħjar taż-żgħażagħ tiegħu niżlu għall-qatla,
oraklu tas-Sultan,
Jaħweh tal-eżerċti ismu.
16Għoddha waslet il-qerda ta’ Mowab,
ġejja bl-għaġla l-ħsara tiegħu.
17Ibkuh intom ilkoll ġirien madwaru,
u intom li tafu b’ismu u għidu:
‘Kif tkisser ix-xettru setgħan,
ix-xettru glorjuż!”
18Inżel mill-glorja tiegħek,
oqgħod fuq l-art niexfa,
int li tgħammar f’Dibon,
għax il-qerried ta’ Mowab tela’ għalik,
ħa jġarraf il-fortizzi tiegħek.
19Oħroġ fit-triq u ħares,
int li tgħammar f’Għarogħer.
Stħarreġ il-maħrub u l-meħlus;
staqsieh: ‘X’inhu li ġara?’
20Mowab waqqgħuh fl-għajb,
għax tfarrak.
Ixhru u għajtu,
xandruha ma’ xtut l-Arnon
li tkisser Mowab.
21Wasal il-ħaqq fuq art il-wita;
fuq Ħolon u fuq Ġaħsa, u fuq Mefagħat,
22fuq Dibon u fuq Nebu,
u fuq Bet-diblatajm;
23fuq Kirjatajm, u fuq Bet-gamul,
u fuq Bel-megħon;
24fuq Kirjot u fuq Bosra,
u fuq kull belt ta’ art Mowab,
tal-qrib u tal-bogħod.
25Il-qawwa ta’ Mowab tfarrket
u driegħu tkisser,
oraklu tal-Mulej.
26Sakkruh għax tkabbar quddiem il-Mulej;
ħa jitmiegħek fit-taqligħ tiegħu,
ħa jaqa’ għaż-żufjett.
27Ma waqqajtx lil Iżrael għaż-żufjett?
Kien jaqaw maqbud fost il-ħallelin,
biex kull meta kont titkellem fuqu,
ixxejjer rasek?
28Ħallu l-ibliet
u morru għammru fil-blat,
intom li tgħammru f’Mowab.
Kunu bħall-ħamiema,
li tbejjet f’xifer l-irdum.
29Smajna bil-kburija ta’ Mowab,
imkabbar bil-bosta:
kemm tgħolla, tkabbar u żżarġan!
Kemm intefħet qalbu!
30Jien naf tajjeb kburitu,
oraklu tal-Mulej,
bi ftaħiru fil-vojt,
b’għemilu fieragħ.
31Għalhekk jien nixher għal Mowab,
għal Mowab kollu ngħajjat,
għan-nies ta’ Kir-ħeres jien nibki.
32Nibkik aktar minn Ġagħżer,
ja dielja ta’ Sibma!
Feragħtek waslu ’l hemm mill-baħar,
laħqu sa Ġagħżer.
Fuq il-frott u l-ġabra tal-għeneb tiegħek
se jinxteħet il-qerried.
33Għelbu l-ferħ u l-hena,
mill-art għammiela ta’ Mowab.
Jien nixxift l-inbid mill-magħsar,
l-għassar ma jagħsarx aktar;
l-għana ferrieħ m’għadux għana ta’ ferħ.
34L-għajjat ta’ Ħesbon jasal sa Elgħali,
sa Ġaħas tasal l-għajta tagħhom,
minn Sogħar jinstama’ l-għajjat tagħhom,
sa Ħoronajm u Għeglat-selisija,
saħansitra l-ilmijiet ta’ Nimrin nixfu.
35Jiena ntemm minn Mowab,
oraklu tal-Mulej,
lil min joffri s-sagrifiċċji fuq l-għoljiet,
u jaħraq l-inċens lill-allat tiegħu.
36Għalhekk qalbi tokrob bħall-flawt għal Mowab;
tingħi qalbi bħall-flawt
għan-nies ta’ Kir-ħeres;
għax il-qligħ li għamlu mar fix-xejn.
37Kull ras tqarwżet, kull leħja tqaxxret;
u idejhom kollha mqattgħin,
u l-ġenbejn miksija bix-xkora.
38Fuq il-bjut kollha ta’ Mowab,
u fil-pjazez kollha,
kullimkien biki,
għax jien kissirt ’il Mowab bħal ġarra li ma togħġobnix,
oraklu tal-Mulej.
39“Kif tfarrak! Xi jwerżqu!
Kif dawwar dahru Mowab kollu għajb;
Mowab waqa’ għaż-żufjett,
u sar waħx u twerwir għall-ġirien madwaru.
40Għax dan jgħid il-Mulej:
“Araw, bħal ajkla jittajjar,
u jifrex ġwenħajh għal fuq Mowab.
41Jinqabdu l-ibliet,
jintrebħu l-fortizzi.
F’dak il-jum qalb il-qalbiena ta’ Mowab,
tkun bħal qalb mara fil-ħlas.
42Ma jibqax poplu Mowab, jinqered,
għax tkabbar kontra l-Mulej.
43Għalik li tgħammar f’Mowab
m’hemmx ħlief biża’, ħofra u nassa,
oraklu tal-Mulej.
44Min jaħrab mill-biża’
jaqa’ fil-ħofra;
u min jitla’ mill-ħofra
jinqabad fin-nassa.
Jien inġib dan kollu fuq Mowab
fis-sena ta’ kastighom,
oraklu tal-Mulej.
45Għad-dell ta’ Ħesbon jistrieħu
bla saħħa l-maħrubin;
imma nar joħroġ minn Ħesbon,
u ilsna tan-nar mill-palazz ta’ Siħon,
u jibilgħu ġbin Mowab
u l-qorriegħa tan-nies imkabbra.
46Gwaj għalik Mowab,
intemm il-poplu ta’ Kemos,
għax is-subien tiegħek ittieħdu fil-jasar,
u bnietek fl-eżilju.
47Imma jien inbiddel ix-xorti ta’ Mowab,
fl-aħħar jiem,”
oraklu tal-Mulej.
Sa hawn il-ġudizzju fuq Mowab.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.