1Fik, Mulej, jien nistkenn;
ma jkolli qatt għax ninfixel.
2Għall-ġustizzja tiegħek salvani u ħarisni;
agħtini widen u fittex eħlisni.
3Kun sur ta’ kenn għalija;
int wegħedt li tiġi dejjem issalvani,
għax blata u fortizza int għalija.
4Alla tiegħi, ħarisni minn id il-ħażin,
minn id il-qarrieq u l-kiefer.
5Għax inti, Sidi, it-tama tiegħi;
Mulej, inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti.
6Fuqek serraħt sa minn twelidi,
sa minn ġuf ommi inti ħadtni;
inti dejjem it-tifħir tiegħi.
7Ħafna huma li stagħġbu bija,
iżda inti l-kenn qawwi tiegħi.
8Mimli fommi b’tifħirek,
u b’sebħek il-jum kollu.
9Twarrabnix meta nasal għax-xjuħija;
titlaqnix meta tħallini saħħti.
10Għax fuqi jitkellmu l-għedewwa tiegħi;
dawk li jonsbuli ħajti flimkien ifesfsu.
11“Alla nsieh!”, huma jgħidu,
“Għalih! Aqbduh! Ħadd ma jeħilsu.”
12O Alla, toqgħodx ’il bogħod minni;
Alla tiegħi, fittex għinni.
13Ħa jistħu u jinfnew dawk li jixluni;
jimtela biż-żebliħ u l-għajb minn iridli d-deni.
14Imma jien nibqa’ dejjem nittama,
u nkattar tifħirek kollu.
15Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek,
il-jum kollu l-għemejjel tal-għajnuna tiegħek,
għalkemm jien stess ma nafx kif ngħoddhom.
16Nersaq quddiem il-kobor tiegħek, Mulej Sidi,
biex il-ġustizzja tiegħek waħdek inxandar.
17O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni;
u jien s’issa għadni nxandar għeġubijietek.
18Imqar meta nixjieħ u jibjad xagħri,
la tinsinix, o Alla;
sakemm inxandar għemil idejk lil kull nisel,
il-qawwa tiegħek lil kull min għad jiġi.
19M’ogħla s-smewwiet il-ġustizzja tiegħek o Alla!
Ħwejjeġ kbar int għamilt; min hu bħalek o Alla!
20Minn għawġ kbir u qalil int għaddejtni;
iżda int terġa’ tagħtini l-ħajja,
minn qiegħ l-art terġa’ ttellagħni.
21Kattarli l-kobor tiegħi;
erġa’ agħtini l-faraġ tiegħek.
22U jiena nfaħħrek bl-arpa
għall-fedeltà tiegħek, Alla tiegħi;
ngħannilek biċ-ċetra, Qaddis ta’ Iżrael.
23Jifirħu xufftejja jien u ngħannilek;
tifraħ ruħi, li inti fdejtli.
24U lsieni l-jum kollu jitħaddet
fuq il-ġustizzja tiegħek,
għax waqa’ fl-għajb u l-mistħija
min iridli d-deni.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.