1 Fit-tielet jum, meta Ester temmet it-talb tagħha, neħħiet minn fuqha l-ilbies tal-penitenza u libset l-ilbies tal-glorja tagħha.
2 Kif iżżejnet bl-ilbies ta’ sultana sejħet l-għajnuna ta’ Alla, Salvatur, li jara kollox, u ħadet żewġ qaddejja minn tagħha.
3 Fuq waħda kienet titwieżen kif jixraq lil mara bħalha;
4 l-oħra kienet timxi warajha, iżżommilha l-kuda.
5 Kienet fl-aqwa tal-ġmiel tagħha: wiċċha aħmar nar, hieni u ħelu, iżda qalbha tħabbat bil-biża’.
6 Għaddiet mill-bibien kollha u waslet quddiem is-sultan. Hu kien fuq it-tron tiegħu, liebes l-ilbies kollu tal-glorja tiegħu, miksi kollu bid-deheb u l-ħaġar prezzjuż, ikexkxek bil-biża’.
7 Ħares ’il fuq - wiċċu kien itajjar in-nar bil-glorja tiegħu - u xeħet ħarsa qalila fuqha, u s-sultana taha ħass ħażin, biddlet kulurha, u ntelqet fuq ras il-qaddejja miexja quddiemha.
8 Alla biddel qalb is-sultan u mlieha bil-ħlewwa, u bi tkexkixa fuqu qabeż minn fuq it-tron, refagħha fuq dirgħajh, sakemm ġiet f’tagħha; u beda jagħmlilha l-qalb bi kliem ħelu, u qalilha:
9 “Xi ġralek, Ester? Jien ħuk, agħmel il-qalb!
10 M’intix se tmut, għax il-liġi tagħna qiegħda għall-poplu;
11 ersaq ’l hawn.”
12 U qabad ix-xettru tad-deheb, qiegħdu fuq għonqha, biesha u qalilha: “Tkellem!”
13 Ester wieġbet: “Jien rajtek, sidi, bħallikieku kont anġlu ta’ Alla, u qalbi tkexkxet bil-biża’ tal-glorja tiegħek.
14-15 Għax int tal-għaġeb, sidi, u ħarstek kollha grazzja.” Kif qalet hekk, reġgħet intilfet u waqgħet fl-art.
16 Is-sultan inħasad, u l-qaddejja ta’ madwaru fittxew jagħmlulha l-qalb.
Kapitlu 5Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.