ISAIJA 42 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 42Il-Qaddej tal-Mulej

1Araw il-qaddej tiegħi, li jiena nwieżen,

il-maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet!

Qegħedt l-ispirtu tiegħi fuqu,

biex iġib il-ġustizzja lill-ġnus.

2Ma jgħajjatx, ma jgħollix leħnu;

ma jsemmax leħnu fil-pjazez,

3qasba mġelġla ma jiksirhiex,

musbieħ inemnem ma jitfihx.

Iġib il-ġustizzja fis-sewwa.

4Ma jegħjiex, ma jitfarrakx,

sakemm ma jwaqqafx il-ġustizzja fuq l-art;

u l-gżejjer imbiegħda jistennew il-liġi tiegħu.

5Dan jgħid Alla, il-Mulej,

li ħalaq u firex is-smewwiet,

u l-medda tal-art bil-frott u l-ħdura tagħha,

li jagħti l-ħajja lill-poplu li hemm fiha,

u r-ruħ lil dawk li jgħixu fiha:

6“Jien, il-Mulej, sejjaħtlek fis-sewwa,

qbadtek minn idek u ħaristek,

u għamilt minnek patt tal-poplu,

dawl għall-ġnus,

7biex int tiftaħ għajnejn l-għomja,

toħroġ lill-ilsiera mill-ħabs,

u ’l dawk li hemm fid-dlam minn dar l-għeluq.

8Jiena l-Mulej, dan hu ismi;

ma nċedi lil ħadd il-glorja tiegħi;

lanqas lill-idoli t-tifħir tiegħi.

9Il-ġrajjiet li tħabbru qabel, ara, veru seħħew.

U jiena nħabbar ħwejjeġ ġodda,

u nsemmagħhomlkom qabel ma jinbtu.”

Għanja ta’ tifħir lill-Mulej

10Għannu lill-Mulej għanja ġdida;

ħa jitla’ minn truf l-art it-tifħir tiegħu!

Ħa jsebbħuh il-baħar u kulma fih,

il-gżejjer u min jgħammar fihom.

11Jerfa’ leħnu d-deżert u l-ibliet tiegħu,

l-irħula fejn jgħammru wlied Kedar;

jgħannulu ferħana dawk li jgħammru f’Sela,

jgħajtu bil-ferħ fuq qċaċet il-muntanji.

12Ħa jagħtu glorja lill-Mulej

u jxandru t-tifħir tiegħu fil-gżejjer.

13Joħroġ il-Mulej bħal wieħed qawwi,

u jqanqal bħal gwerrier il-ħeġġa tiegħu;

jgħajjat l-għajta tal-gwerra,

ħa juri kontra l-għedewwa l-qawwa tiegħu.

14Ili ħafna żmien inżomm is-skiet,

qgħadt bi kwieti u trażżant.

Bħal mara fl-uġigħ tal-ħlas se ngħajjat,

nonfoħ u nilheġ f’nifs wieħed.

15Il-muntanji u l-għoljiet nagħmilhom ħerba,

innixxfilhom ħdurithom kollha.

Inbiddel ix-xmajjar f’xagħri,

u nnixxef l-ilma qiegħed.

16Inmexxi lill-għomja fi triq li ma jafuhiex;

mogħdijiet li ma jafuhomx inqabbadhom.

Id-dlam inbiddlu f’dawl quddiemhom,

it-triqat mgħawġa niddrittahom.

Dan kollu nagħmlu għalihom,

u qatt iżjed ma nabbandunahom.

17Iduru lura kollhom mistħija,

dawk kollha li jittamaw fl-idoli,

dawk li jgħidu lix-xbihat:

“Intom allatna.”

Qatt ma jitgħallmu

18Intom torox, isimgħu!

Intom għomja, ħarsu u araw!

19Min hu agħma ħlief il-qaddej tiegħi?

Min hu trux bħall-messaġġier li bgħatt?

Min hu agħma bħall-maħbub tiegħi?

U trux bħall-qaddej tal-Mulej?

20Jara ħafna ħwejjeġ, u ma jagħtix kas;

widnejh miftuħa, iżda ma jismax.

21Għad li għoġob lill-Mulej bil-ġustizzja tiegħu

li jkabbar u jsebbaħ il-liġi tiegħu,

22hu poplu misruq u mneżża’;

maqbudin ilkoll fil-ħofor,

magħluqin fil-ħabsijiet.

Ħatfuhom u ħadd ma ħelishom;

neżżgħuhom u ħadd ma jgħajjat: Rodd!

23Min minnkom jagħti widen għal dan,

u jaħseb fih u jisma’ għal li ġej?

24Min kien li telaq lil Ġakobb biex jisirquh?

Min telaq lil Iżrael għall-priża?

Mhux il-Mulej, għax kontrih dinbu?

Ma ridux jimxu fi triqatu,

u l-liġi tiegħu ma obdewhiex.

25Għalhekk sawwab fuqu n-nar tal-korla tiegħu,

u l-qilla tal-gwerra,

qabdet ħuġġieġa madwaru u ma ndunax;

ikkunsmatu, u ma daħħalx f’rasu.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help