ĠOB Ħarsa ħafifa lejn il-ktieb - Maltese Bible with DC
Ħarsa ħafifa lejn il-ktiebĠob kien raġel sinjur, li għalkemm mhux Lhudi, kien iqim lil Alla, u kien raġel tajjeb tassew. Fil-bidu tal-ktieb nisimgħu lil Satana jgħid lil Alla li ma kellux għalfejn jiftaħar b’Ġob għax dan kien iqimu biss għax sab ruħu dejjem igawdi. Ipoġġilu sfida li jekk lil Ġob tmissu xorti ħażina, dan malajr iwarrbu lil Alla. Alla jippermetti lil Satana jilgħab b’din l-isfida, li fl-aħħar mill-aħħar, jitlifha għax Ġob jibqa’ fidil lejn Alla minkejja kollox.Jidħlu fix-xena tlett iħbieb ta’ Ġob. Xogħolhom kien li jfakkru lil Ġob li l-ġid u s-saħħa huma sinjal tal-grazzja ta’ Alla. Mela, ladarba Ġob tilifhom it-tnejn, żgur li hu kien naqas lil Alla. Konsegwenza ta’ dan, kellu jkun ikkastigat.Matul il-ktieb għandna dibattitu kontinwu bejn Ġob u kull wieħed minn ħbiebu fejn Ġob jiċħad l-akkużi ta’ ħbiebu filwaqt li dawn jinsistu li hu għandu jammetti ħtijietu. Fl-aħħar il-ħbieb iċedu, għalkemm l-ebda naħa ma toffri provi ċari għall-argumenti ppreżentati.Ġob kien qed isofri ħafna u spiss beda jitlob lil Alla jurih xaqq ta’ dawl. Fehem li l-ebda bniedem m’għandu l-għerf meħtieġ biex jispjega l-esperjenzi tat-tbatija li bniedem jagħddi minnhom. Alla biss jista’ jagħti t-tweġiba.Jitfaċċa personaġġ ieħor, Eliħu, li donnu li kien qiegħed isegwi d-dibattitu, għax fid-diskorsi tiegħu jikkwota xi argumenti milli ssemmew. Jikkritika liż-żewġ naħat dwar l-argumenti tagħhom, u jispiċċa b’poeżija ta’ tifħir lil Alla li tant jieħu ħsieb in-natura.Fl-aħħar jidher Alla, iżda lil Ġob ma jispjegalux it-tbatijiet tiegħu. Minflok jurih li l-bniedem ma jista’ qatt jifhem dak li Alla jippermetti, jew jagħmlu dak li jista’ jagħmel hu. Alla jikkritika lil Ġob li tkellem ħafna, meta kien jaf ftit wisq, imma jfaħħru li baqa’ leali lejh.Il-ktieb jagħlaq bir-rakkont li Alla ppremja lill-qaddej fidil tiegħu Ġob b’għana darbtejn aktar milli kellu qabel bdiet l-istorja, u bierku. Minkejja dak kollu li għadda minnu li wasslu wkoll biex iħossu tassew imkisser, Ġob baqa’ konvint li Alla kellu xi darba jeħilsu.Jien naf li d-Difensur tiegħi ħaj, u fl-aħħar fuq it-trab iqum, u wara li jintemm ġildi, għoddni bla laħam, nara ’l Alla. Lilu narah b’ħabib tiegħi, Dak li jilmħu għajnejja ma jkunlix barrani! Qed iddub qalbi ġo fija… (19,25-27).It-taqsim tal-ktiebDaħla (1,1—2,13)Ġob u ħbiebu (3,1—31,40)It-tnehid ta’ Ġob (3,1-26)L-ewwel djalogu (4,1—14,22)It-tieni djalogu (15,1—21,34)It-tielet djalogu (22,1—27,23)Tifħir lill-Għerf (28,1-28)Id-dikjarazzjoni finali ta’ Ġob (29,1—31,40)Id-diskorsi ta’ Eliħu (32,1—37,24)Alla jwieġeb lil Ġob (38,1—42,6)Għeluq (42,7-17)