1“Għamilt patt ma’ għajnejja
li fuq xebba ma nixħethomx.
2U x’inhu s-sehem li qassam Alla mill-għoli?
X’wirt ħejja Xaddaj mis-smewwiet?
3Mhux il-ħsara għall-midneb
u l-iżventura għall-ħżiena?
4Iżda ma jarax Alla l-imġiba tiegħi?
Ma jgħoddlix il-passi kollha tiegħi?
5Qatt imxejt jien bil-gideb?
Qatt ħaffift il-pass lejn il-qerq?
6Ħa jiżinni Alla b’miżien tajjeb,
u jagħraf il-ħajja bla tebgħa tiegħi.
7Jekk ilwejt mit-triq id-dritta,
u qalbi strieħet wara t-tħajjir t’għajnejja,
jew weħlet xi tebgħa ma’ jdejja,
8ħa niżra’ jien u l-frott jieħdu ħaddieħor,
u dak li jinbitli jinqala’ mill-għeruq.
9Jekk issaħħret qalbi wara mara oħra,
u ssajjajt għaliha wara bieb għajri,
10ħa titħan marti għal ħaddieħor,
u jmilu fuqha rġiel oħrajn.
11Għax dan hu għamil faħxi,
dnub li jiġġudikawh l-imħallfin.
12Hu nar li jaħraq sat-Telfien,
u jeqridli ġidi kollu.
13Qatt ċħadt il-jedd lill-qaddej tiegħi,
jew lill-qaddejja xħin tlewmu miegħi?
14Le, għax x’kont nagħmel li kellu jqum Alla?
X’kont inwieġeb li kien jiġi jistħarriġni?
15Min għamel lili fil-ġuf, ma għamilx ukoll lilu?
Mhux l-istess wieħed sawwarna fi ħdan ommijietna?
16Qatt ċħadt jien lill-foqra dak li xtaqu?
Ħallejt jien għajnejn armla jinfnew?
17Qatt kiltu waħdi l-bukkun tiegħi?
Ma kielx ukoll minnu l-iltim,
18li minn ċkunitu rabbejt bħal missier,
u mexxejtu sa minn ġuf ommu?
19Jekk rajt xi msejken mifni bl-għera,
jew xi fqir li ma kellux għata,
20u ma berkunix ġenbejh,
jew ma ssaħħanx bis-suf tan-nagħaġ tiegħi;
21jekk erfajt idi kontra l-innoċenti,
għax kelli fil-qorti min jaqbeż għalija,
22ħa tinqala’ spallti minn ġo għonqi,
u driegħi jinkiser mill-minkeb.
23Għax kont nibża’ mill-kastig ta’ Alla,
u ma niflaħx għall-kobor ta’ sebħu.
24Qatt għedt lid-deheb: ‘Inti t-tama tiegħi,’
jew lid-deheb fin: ‘Bik mistrieħa rasi’?
25Fraħt xi darba bil-kotra ta’ ġidi,
jew bil-qligħ kbir li kisbuli jdejja?
26Jekk rajt ix-xemx tiddi,
u l-qamar tiela’ bi ġmielu,
27tgħawwiet forsi qalbi bis-serqa,
u tajthom bewsa b’idi ma’ fommi?
28Mhuwiex delitt li jiġġudikawh l-imħallfin,
talli nkun ċħadt ’l Alla li jsaltan fl-għoli?
29Ħadt xi gost bid-deni tal-għadu tiegħi,
inkella fraħt meta laqtitu l-ħsara?
30Le, anqas ilsieni ma ħallejt jidneb
b’xi talba ta’ saħta fuq ħajtu.
31Qatt qalu n-nies ta’ dari:
‘Mhux li konna nixbgħu mill-mejda tiegħu?’
32L-ebda frustier ma ħallejt jgħaddi l-lejl barra,
dari ftaħtha lill-vjaġġatur.
33Qatt ħbejt bħal Adam dnubi,
jew sarrejt fi ħdani ħtijieti,
34jew bqajt sieket magħluq ġewwa dari,
għalkemm l-għagħa tal-kotra kienet tbeżżagħni,
u jkexkixni t-tmaqdir tat-tribù?
35Mhux li kien jisma’ xi ħadd il-kawża tiegħi!
Hawn hi l-firma tiegħi! Ħa jweġibni Xaddaj!
36M’hux li kelli l-att tal-akkuża ta’ min xlieni!
Fuq spallti kont inġorru,
jew ma’ rasi ndawru bħal kuruna.
37Kont ngħoddlu wieħed wieħed il-passi tiegħi,
kont nersaq lejh bħal wieħed kbir.
38Jekk għajjat kontrija r-raba’ tiegħi,
u bkew flimkien ir-raddi tiegħu,
39għax kilt bla ħlas mill-frott tiegħu,
u dawk li ħadmuh fnejtilhom ruħhom,
40flok qamħ jinbitli x-xewk,
flok xgħir ħaxix ħażin.”
Tmiem id-diskors ta’ Ġob.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.