ISAIJA 60 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 60Il-glorja ta’ Sijon

1Qum! Ħa jiddi wiċċek!

Id-dawl tiegħek wasal!

Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!

2Ara d-dlamijiet jiksu l-art,

u sħab iswed il-popli:

iżda fuqek jiddi l-Mulej,

u sebħu jfiġġ fuqek.

3Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek,

u s-slaten fid-dija ta’ sbiħek.

4Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara:

ilkoll miġbura ġejjin għandek.

Uliedek ġejjin mill-bogħod,

u bnietek iġorruhom fuq id-dirgħajn.

5Imbagħad tħares u wiċċek jiddi,

u tħabbat u timtela qalbek,

għax fuqek taqa’ l-kotra tal-ġid tal-ibħra,

u l-għana tal-ġnus jiġi għandek.

6Imrieħel ta’ iġmla għad jgħattuk,

l-iġmla żgħar ta’ Midjan u Għefa;

ilkoll minn Saba jiġu,

mgħobbija bid-deheb u l-inċens,

u jxandru t-tifħir tal-Mulej.

7L-imrieħel kollha ta’ Kedar jinġabru fik,

u l-kbiex ta’ Nebajot jaqduk:

jilqgħuhom u joffruhom fuq l-artal tiegħi,

u jiena nsebbaħ dar il-kobor tiegħi.

8Min huma dawn li bħal sħab jittajru,

bħal ħamiem lejn il-bejtiet tagħhom?

9Iva, għalija jinġabru l-bastimenti tal-gżejjer,

bl-iġfna ta’ Tarsis quddiem nett,

biex iġibu ’l uliedek mill-bogħod,

u magħhom il-fidda u dehebhom,

f’ġieħ isem Jaħweh Alla tiegħek,

il-Qaddis ta’ Iżrael,

għax hu li sebbħek.

10U l-barranin jibnulek swarek,

u jaqduk is-slaten tagħhom,

għax jekk sawwattek fil-qilla tiegħi,

fil-ħniena tiegħi jien ħennejt għalik.

11U l-bibien tiegħek ikunu miftuħin dejjem,

lejl u nhar ma jingħalqux,

biex jiġi għandek il-ġid tal-ġnus,

u s-slaten tagħhom miexja quddiem;

12għax il-ġens u s-saltna li ma taqdikx tinqered:

ġnus bħal dawn jinqerdu għalkollox.

13Ġmiel il-Libanu jiġi għandek,

iċ-ċipress u ċ-ċedru u l-bux magħhom,

għat-tiżjin tat-tempju mqaddes tiegħi,

u għas-sebħ ta’ mirfes riġlejja.

14U jiġu għandek rashom baxxa wlied dawk li ħaqruk,

u jinżlu wiċċhom fl-art quddiemek dawk li żebilħuk,

u jsejħulek: ‘Belt tal-Mulej’,

‘Sijon tal-Qaddis ta’ Iżrael’.

15Għax kont mitluqa, u kienu jobogħduk,

u ħadd ma kien jgħaddi minnek,

nagħmlek kbira għal dejjem u l-għaxqa ta’ kull żmien.

16Bħal tarbija terda’ ħalib il-ġnus,

u titmantna minn sider is-slaten,

biex tagħraf li jien il-Mulej, is-Salvatur tiegħek,

il-Feddej tiegħek, il-Qawwi ta’ Ġakobb.

17Minflok il-bronż, inġiblek id-deheb;

flok il-ħadid, il-fidda;

flok l-injam, il-bronż;

flok il-ġebel, il-ħadid.

U nagħmel is-Sliem it-tmexxija tiegħek,

u l-Ġustizzja l-ħakma tiegħek.

18Ma tinstemax aktar dnewwa f’artek,

u ħerba u qerda fi trufijietek;

swarek jissejħu: ‘Ħelsien’, u bwiebek: ‘Foħrija’.

19Ma ddawlekx aktar ix-xemx binhar,

u lanqas jiddi għalik il-qamar billejl,

għax il-Mulej ikunlek id-dawl għal dejjem

u Alla tiegħek ikun sebħek.

20Ma tinżilx aktar ix-xemx għalik u lanqas jgħib il-qamar,

għax il-Mulej ikun id-dawl tiegħek għal dejjem

u jintemmu l-jiem tal-vistu tiegħek.

21Kulħadd ikun ġust fil-poplu tiegħek

u jirtu l-art għal dejjem;

huma xitla li jien ħawwilt,

xogħol idejja għal foħriti.

22L-iżgħar fostkom isir tribù

u l-iċken isir ġens qawwi.

Jien il-Mulej,

li nfittex nagħmel dan kollu f’waqtu.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help