1Min hu dan li ġej minn Edom,
bi ħwejġu ħomor minn Bosra?
Hu mżejjen bi lbiesu,
miexi fil-milja tal-qawwa tiegħi.
“Jiena hu li nxandar il-ħelsien,
jiena l-qawwi biex ngħin.”
2Għaliex hemm l-aħmar fi lbiesek,
u ħwejġek bħal min jgħaffeġ fil-magħsar?
3“Fil-magħsar għaffiġt jien waħdi,
mill-poplu ma kien hemm ħadd miegħi:
għaffiġthom fl-għadab tiegħi,
sħaqthom fil-qilla tiegħi.
U traxxax demmhom fuq ħwejġi,
u ħammiġt ilbiesi kollu.
4Għax kien jum ta’ vendetta f’qalbi,
u s-sena tal-fidwa tiegħi waslet.
5Ħarist, u ma kien hemm ħadd min jgħinni:
skantajt li ma kien hemm ħadd li jieqaf miegħi;
imma għenni driegħi biex irbaħt,
u waqaf miegħi l-għadab tiegħi.
6Għaffiġt il-popli f’għadbi,
tħanthom fis-saħna tiegħi,
u demmhom xerridt mal-art.”
L-imħabba tal-Mulej għal Iżrael7Irrid infakkar il-grazzji tal-Mulej,
insamma’ għanja ta’ tifħir lill-Mulej,
għal dak kollu li għamel magħna,
għax kbira kienet il-ħnientu ma’ dar Iżrael;
mexa magħna skont l-imħabba tiegħu,
skont it-tjieba kbira tiegħu.
8Hu qal: “Iva, huma l-poplu tiegħi,
wliedi li ma jimxux wiċċ b’ieħor.”
U hu sar għalihom is-Salvatur fid-dwejjaq kollha tagħhom,
9Ma kienx xi messaġġier jew xi anġlu,
imma hu stess salvahom għall-imħabba u l-ħniena tiegħu.
Hu ħelishom, refagħhom, u ġarrhom dejjem fl-imgħoddi.
10Iżda huma ħaduha kontrih,
u nikktu l-ispirtu qaddis tiegħu,
u sar għadu għalihom u tqabad kontrihom.
11U ftakru f’jiem l-imgħoddi:
Mosè, il-qaddej tiegħu.
Fejn hu dak li ħeles mill-baħar, ir-ragħaj tal-poplu tiegħu?
Fejn hu dak li qiegħed f’nofshom, l-ispirtu qaddis tiegħu?
12Hu li kien jimxi fuq il-leminija ta’ Mosè
bid-driegħ imsebbaħ tiegħu?
Li feraq il-baħar quddiemhom biex
jagħmel għalih isem li jibqa’ għal dejjem?
13Li mexxiehom qalb il-mewġ u ma għotrux
bħal żiemel fid-deżert?
14Bħal annimal li nieżel fil-wied,
immexxi mill-ispirtu tal-Mulej,
hekk int mexxejt il-poplu tiegħek
biex tagħmel għalik isem glorjuż.Talba għall-ħniena u l-maħfra
15Ħares mis-sema u ara,
ħares mill-għamara mqaddsa u glorjuża tiegħek.
Fejn hi l-ħeġġa u l-qawwa tiegħek?
Fejn hi l-ħerqa u l-ħniena ta’ qalbek?
Tonqosx mill-ħniena tiegħek għalina.
16Għax int, Mulej, missierna;
Abraham ma jafniex,
Iżrael ma jagħrafniex.
Int, Mulej, missierna,
ismek il-Feddej tagħna sa minn dejjem.
17Għaliex, Mulej, iġġegħelna nwarrbu minn triqatek,
u twebbsilna qalbna biex ma nibżgħux minnek?
Erġa’ lura, minħabba l-qaddejja tiegħek,
it-tribujiet li huma wirtek.
18Għaliex rifsu l-ħżiena fis-santwarju tiegħek,
u l-għedewwa tagħna middew riġlejhom fit-tempju tiegħek?
19Sirna bħall-ġnus li int qatt ma ħkimt fuqhom,
u lanqas ismek ma jissejjaħ fuqhom.
Mhux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel minn hemm,
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.