1“Meta kien tfajjel Iżrael ħabbejtu,
u mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.
2Imma aktar ma sejjaħtilhom,
aktar tbiegħdu minni;
offrew sagrifiċċji lil Bagħalim,
u baħħru quddiem l-idoli.
3Kont jien li ’l Efrajm għallimtu jimxi,
erfajthom fuq dirgħajja,
iżd’huma m’għarfux kemm kont ħadt ħsiebhom!
4Bi ħbula ta’ bnedmin jien ġbidthom,
b’rabtiet ta’ mħabba;
u kont għalihom bħal min jerfa’ tarbija ma’ ħaddejh,
u lejha mmil nitmagħha.
5Ikollhom jerġgħu lura lejn l-Eġittu,
l-Assirja ssaltan fuqhom,
għax ma ridux jerġgħu lura lejja.
6Is-sejf jgħaddi bil-qilla mill-ibliet tagħhom,
u jeqred lil uliedhom,
u jagħmel ħerba mill-fortizzi tagħhom.
7Il-poplu mġarrab għax tbiegħed minni:
isejħu ’l Bagħal, u ma jweġibhomx.
8Kif! Jien se nwarrbek minni, Efrajm?
Iżrael, se nerħik?
Kif! Jien se nwarrab lilek minni bħal Adma,
nagħmlek bħal Sebojim?
Daret għalija qalbi, tqanqlet bil-bosta ħnienti.
9Le, ma nħaddimx il-korla mħeġġa tiegħi;
le, ma nerġax inġib fix-xejn ’l Efrajm,
għax Alla jien, u mhux bniedem,
jien f’nofsok il-Qaddis;
jien ma niġix biex neqred.
10Għax jimxu wara l-Mulej,
li bħal iljun jgħajjat; jgħajjat
u wliedu jiġu jiġru mill-Punent;
11iħaffu mill-Eġittu bħal għasfur,
u bħal ħamiema jgħaġġlu minn art l-Assirja;
u jagħtihom li jgħammru fi djarhom,”
oraklu tal-Mulej.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.