1Għall-mexxej tal-kor. Ta’ David.
Jgħid l-iblah f’qalbu: “M’hemmx Alla!”
Tħassru l-bnedmin, għamlu ħwejjeġ ta’ min jistmellhom,
m’hemm ħadd li jagħmel is-sewwa.
2Il-Mulej mis-sema jittawwal fuq il-bnedmin,
biex jara jekk hemmx min hu għaqli,
min ifittex lil Alla.
3Ilkoll intilfu, ilkoll flimkien tħażżnu;
ħadd ma jagħmel is-sewwa, anqas biss wieħed.
4Ma jintebħux dawk kollha li jagħmlu l-ħażen,
dawk li qatt ma jsejħu l-Mulej,
li jaħtfu l-poplu tiegħi, kif wieħed jaħtaf il-ħobż?
5Biża’ kbir waqa’ fuqhom,
għax Alla hu ma’ nisel il-ġust.
6Intom tidħku bil-ħsieb tal-imsejken;
imma l-Mulej hu l-kenn tiegħu.
7Min iġib minn Sijon il-ħelsien ta’ Iżrael?
Meta jerġa’ jqajjem il-Mulej il-poplu tiegħu,
jifraħ Ġakobb, jithenna Iżrael.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.