2 MAKKABIN 9 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 9Il-mewt ta’ Antijoku (163 QK)

1Għall-ħabta ta’ dak iż-żmien ġara li Antijoku kien raġa’ lura mħawwad mill-inħawi tal-Persja.

2Kien daħal fil-belt jisimha Persepoli u medd idu biex jisraq it-tempju u jaħtaf il-belt f’idejh; imma l-kotra qamet u qabdet l-armi biex tiddefendihom, u dak kellu jaħrab. U hekk ġara li Antijoku, imġiegħel jaħrab min-nies tal-belt, kellu jerġa’ lura mimli bl-għajb.

3Meta kien f’Ekbatana sar jaf b’dak li ġara lil Nikanor, u lin-nies ta’ madwar Timotju.

4Mitluf minn sensih bl-għadab, waħħalha f’rasu li jitħallas mil-Lhud tal-għajb li ġiebu fuqu dawk li ġegħluh jaħrab, u għalhekk ordna lis-sewwieq li jġerri kemm jiflaħ bla ma jieqaf sa ma jtemm il-vjaġġ. Imma l-ġudizzju tas-sema kien diġà laħqu. Minfuħ bih innifsu qal: “Malli nasal Ġerusalemm nagħmel minnha ċimiterju tal-Lhud.”

5Imma l-Mulej, Alla ta’ Iżrael, li jara kollox, laqtu b’marda bla fejqan li ma tidhirx. Malli temm dan il-kliem qabdu wġigħ ma jittaffiex kbir f’imsarnu u turmenti ħorox minn ġewwa.Atti 12,20-23.

6U hekk kien ħaqqu, għax hu kien ġiegħel l-imsaren ta’ oħrajn isofru torturi bla għadd, li qatt ħadd ma kien sama’ bihom.

7Iżda hu ma naqqas xejn mis-suppervja tiegħu, imma kollu mkabbar bih innifsu, mixgħul b’nar ta’ qilla kontra l-Lhud, ġagħalhom isuqu aktar. Ġara mbagħad li hu tgerbeb minn fuq il-karru kif kien imlibbet, u ħa tisbita hekk qawwija li kisser ġismu kollu.

8U dak li ftit qabel bis-suppervja bla qjies ’il fuq minn ta’ kull bniedem kien jaħseb li jista’ jikkmanda l-ħalel tal-baħar u jiżen fl-istasija l-qċaċet tal-muntanji, sab ruħu mitfugħ fl-art u kellhom iġorruh fuq lettiga. U hekk wera biċ-ċar lil kulħadd il-qawwa ta’ Alla.Ġob 38,8-11; S 65,6-8; Is 40,12; 51,15; 2 Mak 5,21.

9U d-dud beda ħiereġ mill-ġisem ta’ dan il-midgħi u, kif kien għadu ħaj, laħmu beda jaqa’ biċċa biċċa, fost uġigħ u tbatijiet mill-eħrex; u r-riħa u l-intiena tal-ġrieħi tiegħu, l-eżerċtu ma felaħx għalihom.

10U dak li ftit qabel kien ħaseb li laħaq b’idejh il-kwiekeb tas-sema, ħadd issa ma’ kellu l-ħila jġorru minħabba l-intiena li ebda bniedem ma kien jista’ għaliha.

11Kif kien daqshekk imfarrak, beda jfarfar minn fuqu s-suppervja kbira tiegħu u jasal biex jagħraf lilu nnifsu taħt is-sawt ta’ Alla u bl-uġigħ jiżdied minn waqt għal ieħor.

12U fl-aħħar, meta lanqas hu stess ma sata’ jżomm bl-intiena tiegħu nnifsu, stqarr u qal dan: “Sewwa li wieħed joqgħod għar-rieda ta’ Alla u li bniedem suġġett għall-mewt ma jqisx ruħu daqs Alla.”

13Imbagħad dan il-bniedem mill-agħar beda jitlob lis-Sid, li għalih ma kellux ħniena, u jwiegħed

14li l-belt imqaddsa, fejn kien sejjer mgħaġġel biex iwittiha u jbiddilha f’ċimiterju għal niesha, jagħmel minnha belt ħielsa;

15li l-Lhud kollha jagħmilhom daqs in-nies ta’ Ateni - il-Lhud, li sa ftit qabel kien jaħseb li lanqas difna ma tixirqilhom, imma li jwaddabhom bit-trabi b’kollox b’għalf għall-bhejjem tax-xagħri u għat-tjur tal-ajru;

16li jżejjen b’offerti mill-isbaħ it-tempju li qabel kien serqu; u li jroddilhom it-tagħmir imqaddes kollu u jagħtihom ħafna aktar milli kellhom; li jħallas mid-dħul tiegħu n-nefqa għas-sagrifiċċju,

17u fl-aħħar li hu stess isir Lhudi u jdur mad-dinja kollha fejn jgħammru n-nies u jxandar il-qawwa ta’ Alla ma’ kullimkien.

18Imma l-uġigħ ma naqasx; kienet diġà laħqitu s-sentenza ġusta ta’ Alla, u b’jiesu maqtugħ kiteb lil-Lhud din l-ittra li ġejja; kienet qisha talba u kienet tgħid hekk:

19“Is-sultan u ġeneral Antijoku lil-Lhud, ċittadini tiegħu mill-aħjar, sliem, saħħa u riżq bil-kotra.

20Niżżi ħajr lil Alla, mill-aktar, u nqiegħed fis-sema t-tama tiegħi talli intom u wliedkom tinsabu tajbin, u kollox sejjer skont qalbkom.

21Mixħut marid kif jien, niftakar minn qalbi fil-ġieħ u t-tjieba li wrejtu miegħi. Jien u rieġa’ lura mill-inħawi tal-Persja ġiet fuqi marda qalila u deherli li jenħtieġ naħseb għall-ġid ta’ kulħadd.

22Jien ma qtajtx qalbi minni nnifsi; għad għandi tama sħiħa li neħles minn din il-marda.

23Imma rajt li missieri wkoll, kull meta kien joħroġ għall-gwerra fl-inħawi tat-Tramuntana, kien jaħtar lil min kellu jilħaq floku,

24biex, jekk tinqala’ xi ħaġa minn taħt ir-riħ jew tixtered xi aħbar ħażina, in-nies tas-sultan ikunu jafu f’idejn min tħalliet l-amministrazzjoni u hekk ma jitħawdux.

25Barra dan qist ukoll li s-slaten ġirien tagħna u l-prinċpijiet qrib tas-saltna tagħna dejjem jistennew il-waqt u jgħassu x’se jiġri, għalhekk ħtart sultan għal warajja lil ibni Antijoku, li bosta drabi meta kont noħroġ għall-gwerra fl-inħawi ta’ fuq, irħejt f’idejkom u tlabtkom teħduli ħsiebu. Jien ktibtlu dawn id-deċiżjonijiet.

26“Jien inħeġġiġkom u nitlobkom li tiftakru fil-ġid li għamilt lilkom, ilkoll kemm intom, u lil kull wieħed minnkom sabiex ilkoll, wieħed wieħed, turu dejjem dik it-tjieba li diġà wrejtu miegħi u ma’ ibni.

27U jiena żgur li fuq il-parir tiegħi jimxi bil-qjies u t-tjieba u jkun jinġieb magħkom.”

28U hekk temm ħajtu dan il-bniedem qattiel u midgħi, hemm fuq il-muntanja f’art barranija, b’mewt mill-agħar, fost l-eħrex turmenti, bħalma hu kien ġiegħel lil ħaddieħor ibati.

29U Filippu li kien trabba miegħu, ġarr il-katavru, u billi baża’ minn ibnu Antijoku, mar jistkenn fl-Eġittu għand Tolemew Filometor.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help