1Ta’ David.
Ħudha, Mulej, ma’ min jeħodha miegħi,
tqabad ma’ min jitqabad kontrija.
2Aqbad it-tarka, il-kbira u ż-żgħira,
u qum biex tagħtini l-għajnuna.
3Xejjer il-lanza u islet is-sejf
għal dawk li jagħmlu għalija.
Għidli: “Jiena s-salvazzjoni tiegħek!”
4Jitfixklu u jistħu
dawk li jfittxu jneħħuli ħajti.
Jerġgħu lura mifxula
dawk li ħsiebhom kif jagħmluli l-ħsara.
5Ħa jkunu bħal karfa mar-riħ,
imkeċċija mill-anġlu tal-Mulej.
6Tkun triqithom dlam u żliq;
u l-anġlu tal-Mulej isuqhom.
7Għal xejn b’xejn nasbuli xibka,
għal xejn ħaffruli ħofra.
8Tiġi fuqhom qerda għal għarrieda,
taħkimhom ix-xibka li nasbu,
jaqgħu fil-ħofra li ħaffru.
9Imma jien fil-Mulej nifraħ,
nitgħaxxaq bis-salvazzjoni tiegħu.
10Saħansitra għadmi kollu jgħid:
“Min hu bħalek, Mulej!
Int teħles l-imsejken minn min hu aqwa minnu,
l-imsejken u l-fqajjar minn dawk li jisirquh.”
11Iqumu xhieda qarrieqa,
jistaqsuni dak li ma nafx;
12bid-deni għall-ġid iħallsuni;
qerduli ruħi.
13Iżda meta huma kienu morda,
jien kont nilbes l-ixkora;
kont ngħakkes bis-sawm lili nnifsi,
u nitlob b’rasi mgħaddsa fi ħdani.
14Bħal ħbiebi, bħal ħuti mxejt magħhom;
bħal min jagħli għal ommu nxtħett fin-niket.
15Meta wqajt jien, inġemgħu flimkien jifirħu,
ingħaqdu flimkien kontrija.
Bla ma naf għaliex jaħbtu għalija,
bla heda jtertquni.
16Mal-ħżiena jkasbruni u jiddieħku bija,
jgħażgħżu snienhom kontrija.
17Int, Mulej Sidi, kemm se ddum tħares?
Eħlisni mill-qerda tagħhom,
eħlisli mill-iljuni ħajti l-għażiża.
18Niżżik ħajr qalb ġemgħa kbira,
qalb kotra ta’ nies infaħħrek.
19Tħallix l-għedewwa qarrieqa
jithennew minħabba fija;
anqas ’il dawk li għal xejn jobogħduni
jegħmżu ’l xulxin kontrija.
20Għax huma ma jitkellmux bis-sliem;
imqar kontra nies kwieti
kliem ta’ qerq jaqilgħu.
21Ħalqhom jiftħu beraħ fuqi:
“Arah!”, jgħidu ferħana. “Hawn hu taħt għajnejna!”
22Int rajtu dan, Mulej; la tibqax sieket;
Sidi, titbegħidx minni.
23Stenbaħ u qum biex tagħtini raġun,
biex taqbeż għall-kawża tiegħi,
Alla tiegħi u Sid tiegħi.
24Skont il-ġustizzja tiegħek agħtini li ħaqqni,
Mulej, Alla tiegħi;
tħallihomx jifirħu minħabba fija.
25Ħalli ma jgħidux f’qalbhom: “Qtajna xewqitna!”
Ħalli ma jgħidux: “Ġibnieh fix-xejn.”
26Ħa jistħu u jinfixlu lkoll flimkien
dawk li jifirħu bid-deni tiegħi.
Jitgħabbew bl-għajb u bil-mistħija
dawk li jitkabbru minħabba fija.
27Jifirħu u jithennew dawk li jgħożżu l-ġustizzja tiegħi;
u jgħidu dejjem: ‘Kbir il-Mulej,
li jgħożż is-sliem tal-qaddej tiegħu!”
28Imbagħad ixandar ilsieni l-ġustizzja tiegħek,
il-jum kollu t-tifħir tiegħek.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.