ĠEREMIJA 8 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 8

1“Dakinhar, oraklu tal-Mulej, jaqilgħu mill-oqbra l-għadam tas-slaten ta’ Ġuda, u l-għadam tal-prinċpijiet, u l-għadam tal-qassisin, u l-għadam tal-profeti, u l-għadam tan-nies ta’ Ġerusalemm,, li huma ħabbewhom u qdewhom u marru warajhom, u ħadu l-parir tagħhom u qiemuhom. Ma jiġbruhomx, u ma jidfnuhomx, imma jħalluhom bħad-demel f’wiċċ l-art.

6Jien qgħadt attent u smajt,

u huma jgħidu dak li mhux sewwa.

M’hemmx bniedem niedem minn ħżunitu

u jgħid: ‘X’għamilt?’

Ilkoll qabdu l-ġirja tagħhom,

bħal żiemel imlebbet għat-taqtigħa.

7Imqar il-laqlâq tal-ajru

jagħraf żmienu;

il-gamiema, il-ħuttafa, u l-għarnuq

iħarsu ż-żmien tal-passa tagħhom.

Imma l-poplu tiegħi ma jagħrafx id-dritt tal-Mulej.

8Kif tistgħu tgħidu: ‘Aħna għorrief

u l-liġi tal-Mulej magħna?’

Għax tassew gidba għamlet minnha

il-pinna giddieba tal-iskribi.

9L-għorrief jitħawdu,

jitħabblu u jinqabdu.

Arawhom, ċaħdu l-kelma tal-Mulej,

u issa x’għerf baqgħalhom?Korruzzjoni kullimkien

10“Għalhekk jien nerħi lin-nisa tagħhom

f’idejn ħaddieħor,

ir-raba’ tagħhom lil sidien oħra;

għax miż-żgħir sal-kbir,

kollha għatxana għas-serq;

mill-profeta sal-qassis

kollhom qerq f’għemilhom.

11Idewwu l-ġerħa ta’ bint il-poplu tiegħi

bħallikieku xejn u jgħidu:

“Sliem, Sliem,” u sliem m’hemmx!

12Imisshom jistħu bil-qżież li għamlu;

imma huma ma jistħux

u anqas wiċċhom ma jafu jħammru.

Għalhekk għad jaqgħu

ma’ dawk li diġà waqgħu;

jiġġarrfu f’jum kastighom,

jgħid il-Mulej.

13Għalkollox intemmhom,

oraklu tal-Mulej,

ma jibqax għeneb fid-dielja,

lanqas tin fit-tina,

sal-weraq jidbiel,

u nibagħtilhom min jgħaffiġhom.

14“Għalfejn qegħdin hawn aħna?

Ħa ninġabru u nidħlu fl-ibliet armati,

u nintemmu hemm.

Għax il-Mulej, Alla tagħna,

se jeqridna!

Se jisqina ilma avvelenat,

għax dnibna kontra l-Mulej.

15Stennejna s-sliem,

imma ma sibna ebda riżq;

is-siegħa tal-fejqan,

imma ma sibniex ħlief twerwir!

16Minn Dan jinstema’ l-infiħ lehġien; taż-żwiemel tiegħu

iż-żehir tal-qawwijin tiegħu

titriegħed l-art kollha kemm hi.

Jiġu u jibilgħu l-art b’kulma fiha,

lill-belt u n-nies li jgħammru fiha.

17Għax, arawni, sriep velenużi

se nitlaq f’nofskom,

li ebda seħer ma jagħmel bihom,

u għad jigdmukom,”

oraklu tal-Mulej.L-għali tal-Profeta

18M’hemmx fejqan għall-għali tiegħi,

qalbi nfniet!

19Isimgħu! L-għajta mbikkija ta’ bint il-poplu tiegħi,

l-għajta minn art imbiegħda!

“Ma għadux il-Mulej f’Sijon?

M’għadux hemm is-sultan tagħha?”

Għaliex inkewni bl-idoli tagħhom,

bil-frugħat tal-barranin?

20“Għadda żmien il-ħsad,

intemm is-sajf,

u aħna għadna ma ħlisniex.”

21Minħabba l-ġerħa ta’ bint il-poplu tiegħi

jien miġruħ.

Qabadni swied il-qalb,

qabadni t-tkexkix.

22M’hemmx aktar balzmu f’Gilgħad?

Ebda tabib ma hemm?

Għaliex, mela, ma għalqitx

il-ġerħa ta’ bint il-poplu tiegħi?

23Mhux li kien xi ħadd jagħmel minn rasi għajn ta’ ilma,

u min għajnejja nixxiegħa ta’ dmugħ,

ħa nibki lejl u nhar

il-maqtulin ta’ bint il-poplu tiegħi!

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help