1Mulej, Alla tiegħi int;
infaħħrek u nsebbaħ lil ismek,
għaliex għamilt ħwejjeġ tal-għaġeb,
kif ħsibt żmien ilu, u bis-sewwa, kif imiss.
2Għax il-belt għamiltha gozz ġebel,
ħerba l-belt bis-swar imdawra.
Il-fortizza tal-kburin ma għadhiex belt iżjed,
ma tinbena qatt aktar.
3Għalhekk ifaħħrek poplu b’saħħtu,
il-belt ta’ ġnus qawwija tibża’ minnek.
4Għax inti kenn għall-imsejken,
kenn għall-fqir fid-dwejjaq tiegħu,
kenn fl-irwiefen u dell fis-sħana.
Għaliex l-infiħ tas-setgħanin bħax-xita tħabbat ma’ ħajt,
5bħas-sħana tax-xemx f’art niexfa.
Id-dagħdigħa tal-kburin int trażżan.
Bħalma d-dell ta’ sħaba jtaffi s-sħana,
hekk tissikket l-għanja tas-setgħanin bla qalb.
6U jagħmel il-Mulej tal-eżerċti
għall-popli kollha fuq din il-muntanja,
mejda b’ikel fin, mejda bi nbejjed ħelwa,
b’laħam imsemmen bil-mudullun, u nbejjed fini.
7U jċarrat minn fuq din il-muntanja
il-velu li kien jgħatti wiċċ il-popli kollha,
għata li kien jaħbi kollha kemm huma l-ġnus.
8Jeqred il-mewt għal dejjem,
jixxotta Sidi l-Mulej id-dmugħ minn fuq kull wiċċ,
u jħassar l-għajb tal-poplu tiegħu minn wiċċ l-art kollha:
għax il-Mulej tkellem.
9U dakinhar jgħidu: “Dan hu Alla tagħna:
fih ittamajna li jsalvana;
dan hu l-Mulej li fih ittamajna:
nifirħu u nithennew bis-salvazzjoni tiegħu.”
10Għax id l-Mulej tinżel fuq din il-muntanja.
U Mowab jisħquh fejn ikun,
it-tiben fil-miżbla bħalma jisħquh.
11U jmidd idejh ġo fiha,
bħalma l-għawwiem imiddhom biex jgħum;
imma jkollu jniżżel kburitu,
minkejja t-taħbit ta’ jdejh.
12U jaqleb u jġarraf il-Mulej
il-fortizzi għolja tas-swar tiegħu
u jwaddabhom fit-trab tal-art.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.