SALMI 38 - Maltese Bible with DC

Salm 38Talba ta’ midneb maħkum mill-mard

1Salm ta’ David. B’tifkira.

2Mulej, la ċċanfarnix fil-korla tiegħek,

la twiddibnix fis-saħna tiegħek!

3Għax il-vleġeġ tiegħek daħlu fija,

u idek tagħfas fuqi.

4Xejn mhu sħiħ f’ġismi minħabba l-għadab tiegħek;

m’hemmx saħħa f’għadmi minħabba ħtijieti.

5Għax dnubieti telgħu ’l fuq minn rasi,

bħal toqol kbir għalija jagħfsu fuqi.

6Irejħu u jdennu l-ġrieħi tiegħi,

ħtija tal-bluha tiegħi.

7Ninsab milwi u mifni għall-aħħar;

il-jum kollu ngħaddih fid-dwejjaq.

8Għax qabadni ħruq f’ġenbejja,

u xejn sħiħ ma għandi f’ġismi.

9Mifni nħossni u mfarrak għalkollox;

ngħajjat minħabba t-tferfir ta’ qalbi.

10Sidi, quddiemek hi x-xewqa kollha tiegħi;

it-tnehid tiegħi mhux moħbi minnek.

11Qalbi tħabbat, saħħti ħallietni,

id-dawl ta’ għajnejja wkoll naqasni.

12Ħbiebi u sħabi mill-mard tiegħi jitgerrxu;

qrabati jżommu ’l bogħod minni.

13Xibka ħejjewli dawk li jonsbuli ħajti,

iqassu fuqi dawk li jixtiquli d-deni,

il-ħin kollu l-qerq inassu.

14Imma jien bħal trux li ma jismax;

bħal imbikkem li ma jiftaħx ħalqu.

15Nagħmilha ta’ wieħed li ma jismax,

bħal wieħed li xejn ma għandu xi jgħid.

16Għax fik, Mulej, jien nittama;

int li twieġeb, Sid u Alla tiegħi.

17Jien għedt: “Ma jifirħux minħabba fija,

ma jiftaħrux fuqi jekk riġli jogħtor.”

18Għax jien wasalt biex naqa’,

u tbatijieti dejjem quddiem għajnejja.

19Ħtijieti jien nistqarrhom;

nitħasseb fuq id-dnub tiegħi.

20Tqawwew dawk li għal xejn b’xejn huma kontrija;

żdiedu dawk li għal xejn jobogħduni;

21dawk li jrodduli għall-ġid id-deni;

dawk li jiqfuli għax nimxi sewwa.

22La tħallinix, Mulej;

Alla tiegħi, titbegħidx minni.

23Fittex agħtini l-għajnuna,

Sidi, is-salvazzjoni tiegħi.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help