EŻEKJEL 32 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 32Lamentazzjoni għall-waqgħa tal-Fargħun

1U ġara li fis-sena tnax, fl-ewwel tat-tnax-il xahar, ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli:

2“O bniedem, għanni lamentazzjoni

għall-Fargħun, sultan tal-Eġittu, u għidlu:

Int tistħajlek iljun fost il-ġnus,

imma int bħall-kukkudrill fl-ibħra,

u terfa’ rasek minn ġox-xmajjar,

u tħawwad l-ilma b’riġlejk,

u ddardar ix-xmajjar tiegħek.

3Dan jgħid Sidi l-Mulej:

Jien nifrex fuqek ix-xbiek tiegħi,

b’kotra kbira ta’ ġnus,

u jtellgħuk bi xbieki.

4U mmiddek mal-art,

fuq wiċċ ir-raba’ nonxrok.

U nserraħ fuqek it-tajr kollu tas-smewwiet,

u bik inxabba’ l-bhejjem kollha tal-art.

5U laħmek inperrċu fuq l-għoljiet,

u l-widien nimla b’ġismek mejjet.

6U nsaqqi bit-tnixxija ta’ demmek

l-art sa fuq il-muntanji,

u jimtlew il-ħniedaq bik.

7Meta int tintemm jien ngħatti s-smewwiet,

u ndallam il-kwiekeb tagħhom;

ix-xemx nostorha bi sħaba,

u l-qamar ma jitfax dawl.

8Kulma jiddi fis-sema u jarmi d-dawl,

indallmu minħabba fik.

U nixħet id-dlam fuq l-art,

oraklu ta’ Sidi l-Mulej.

9“Inkexkex il-qalb ta’ ħafna popli meta nġibek imjassar fost il-ġnus, f’artijiet li ma tafhomx.

10Inbellah kotra ġnus bil-biża’ minħabba fik u s-slaten tagħhom jitkexkxu minħabba fik, meta jien invenven quddiemhom ix-xabla tiegħi; u jitriegħdu bla heda, kull wieħed għal ħajtu, f’jum tiġrifek.

11“Għax dan jgħid Sidi l-Mulej:

Ix-xabla tas-sultan ta’ Babilonja għad tilħqek!

12Inxewlaħ mal-art il-kotra tiegħek bix-xwabel tal-qalbenin,

l-eħrex fost kollha kemm huma l-ġnus.

U jeqirdu l-glorja tal-Eġittu,

u jġibu fix-xejn il-kotra ta’ niesu.

13Intemm fix-xejn il-bhejjem tiegħu kollha mill-ilmijiet kotrana:

ebda riġel ta’ bniedem ma jdardarhom aktar,

u lanqas difer ta’ bhima ma jħawwadhom.

14Imbagħad insaffi ilmijiethom,

u x-xmajjar tagħhom bħaż-żejt inġerrihom,

oraklu ta’ Sidi l-Mulej.

15“Meta jiena nagħmel ħerba mill-art tal-Eġittu, u l-pajjiż jitħarbat minn kulma fih; meta nolqot ’il kull min jgħammar fih, imbagħad jagħrfu li jien il-Mulej.

16“Din hi lamentazzjoni li għad jgħannu: jgħannuha l-bniet tal-ġnus, fuq l-Eġittu u l-kotra ta’ niesu,” oraklu ta’ Sidi l-Mulej.

Lamentazzjoni fuq l-Eġittu

17Ġara li fit-tnax-il sena, fl-ewwel xahar, fil-ħmistax tax-xahar, ġietni l-kelma tal-Mulej, u qalli:

18“O bniedem, għanni lamentazzjoni għall-kotra tal-Eġittu, u niżżlu, lilu u l-bniet tal-ġnus qawwija, ma’ dawk li jinżlu fil-ħofra.

19’Il min tisboq fi ġmielek?

Inżel u strieħ man-nies bla ħtin.

20F’nofs il-maqtulin bix-xabla għad jaqgħu,

għax ix-xabla lesta,

u miegħu tistrieħ il-kotra tiegħu.

21Imbagħad mill-qiegħ ta’ Art l-Imwiet

jgħidulu l-aqwa fost il-qalbenin:

‘Inżel, int u l-alleati tiegħek,

man-nies bla ħtin,

fost il-maqtulin bix-xabla.’

22Hemm issib l-Assirja,

bl-eżerċtu tagħha madwar qabarha;

waqgħu bix-xabla lkoll maqtula.

23Qabarha fil-fond tal-ħofra,

u l-kotra tagħha madwar qabarha;

waqgħu bix-xabla lkoll maqtula,

niżlu bla ħtin fid-dinja ta’ taħt,

għax kienu jxerrdu l-biża’ f’art il-ħajjin.

24Hemm Għelam bil-kotra tiegħu madwar qabru,

waqgħu bix-xabla lkoll maqtula

niżlu bla ħtin fid-dinja ta’ taħt,

għax kienu jxerrdu l-biża’ f’art il-ħajjin.

U hekk tgħabbew b’għajbhom

ma’ dawk li niżlu fil-ħofra.

25U f’nofs il-maqtulin qegħduh jistrieħ,

bil-kotra tiegħu madwar qabru,

ilkoll bla ħtin,

ilkoll maqtula bix-xabla,

għax kienu jxerrdu l-biża’ tagħhom f’art il-ħajjin.

U hekk tgħabbew b’għajbhom,

ma’ dawk li niżlu fil-ħofra,

u xeħtuhom f’nofs il-maqtulin.

26Hemm Mesek u Tubal b’kotriehom,

b’qabarhom madwarhom.

Ilkoll bla ħtin, maqtulin bix-xabla,

għax kienu jxerrdu l-biża’ tagħhom f’art il-ħajjin.

27Mhumiex mistrieħa mal-qalbenin,

li waqgħu fi żmien il-qedem,

li niżlu f’art il-mejtin,

bl-għodod tal-gwerra magħhom;

li x-xwabel tagħhom taħt rashom qegħduhomlhom,

u t-tarki tagħhom fuq għadamhom;

għalhekk il-biża’ tal-qalbenin kien f’art il-ħajjin.

28Imma int f’nofs nies bla ħtin tistrieħ,

u fost il-maqtulin bix-xabla.

29“Hemm Edom bis-slaten u l-prinċpijiet tiegħu kollha, li minkejja qawwiethom tqiegħdu mal-maqtulin bix-xabla. Hekk qegħdin jistrieħu man-nies bla ħtin, ma’ dawk li niżlu fil-ħofra.

30“Hemm ukoll flimkien il-prinċpijiet tat-Tramuntana u s-Sidonin li niżlu mal-maqtulin, talli xerrdu l-biża’; u issa hemm mistħija jistrieħu bla ħtin mal-maqtulin bix-xabla, u mgħobbijin bl-għajb ma’ dawk li niżlu fil-ħofra.

31“Jarahom il-Fargħun u jitfarraġ bil-kotra ta’ niesu, ilkoll maqtula bix-xabla: il-Fargħun u l-eżerċtu tiegħu, oraklu ta’ Sidi l-Mulej.

32“Għax hu xerred il-biża’ f’art il-ħajjin, għalhekk middewh f’nofs in-nies bla ħtin mal-maqtulin bix-xabla: il-Fargħun u l-kotra kollha tan-nies tiegħu, oraklu ta’ Sidi l-Mulej.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help