1Meta Efrajm kien jitkellem, kien ibażża’ n-nies,
għax kien prinċep f’Iżrael:
imma dineb minħabba Bagħal u miet.
2U issa baqgħu jidinbu,
u jagħmlu xbihat imdewba
mill-fided tagħhom;
idoli skont kif ifettlilhom,
kollha xogħol in-nies tas-sengħa.
“Lil dawn,” jgħidulhom, “offru s-sagrifiċċju,”
u n-nies ibusu l-għoġiela!
3Għalhekk ikunu bħal sħaba fis-sebħ,
u bħan-nida li tgħib malajr;
bħall-karfa li ttir mill-qiegħa,
u bħad-duħħan ħiereġ mit-tieqa.
4U jiena l-Mulej, Alla tiegħek
sa mill-art tal-Eġittu.
Int m’għandek ebda Alla ieħor ħliefi,
U m’hemmx għalik salvatur ieħor għajri.
5Jiena paxxejtek fid-deżert,
fl-art tan-nixfa.
6Imma aktar ma paxxejthom,
aktar ma mtlew u xebgħu,
aktar tkabbret qalbhom,
u lili nsewni.
7Inkun għalihom bħal iljun,
bħal ljupard fit-triq ngħassilhom.
8Inħebb għalihom bħal orsa
misruqa mill-frieħ tagħha,
u niftħilhom il-qafas ta’ sidirhom,
u nikolhom fil-post bħal iljun,
u bħall-bhejjem selvaġġi niżbranahom.
9Jien neqirdek, Iżrael,
imbagħad min jista’ jgħinek?
10Fejn hu s-sultan tiegħek biex isalvak?
Fejn huma prinċpijietek biex jaqbżu għalik?
Int kont għedt għalihom:
“Agħtini sultan u prinċpijiet.”
11Jien nagħtik sultan f’għadbi,
u nneħħihulek fis-saħna tiegħi.
12Misrur il-ħażen ta’ Efrajm,
merfugħ id-dnub tiegħu.
13Uġigħ il-ħlas għad jilħqu,
imma hu iben bla għaqal;
għax meta jasal il-waqt,
ma jersaqx lejn fomm il-ġuf.
14Neħlishom jien mill-qawwa tax-Xe’ol?
Jew mill-mewt nifdihom?
Fejn huma l-flaġelli tiegħek, mewt?
Fejn hija l-qerda tiegħek, Xe’ol?
Il-mogħdrija nħbiet minn għajnejja.
15U għax hu bejn l-aħwa jġib il-firda,
għad jiġih riħ mix-Xlokk,
riħ tal-Mulej ġej mid-deżert,
u jnixxiflu l-għajn,
u n-nixxiegħa jixxuttalu.
Jisraqlu t-teżor tal-ħwejjeġ prezzjużi.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.