ĠEREMIJA 46 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 46L-orakli kontra l-ġnus

1Il-Kelma tal-Mulej dwar il-ġnus li ġiet lil Ġeremija l-profeta.Oraklu għall-Eġittu

2Għall-Eġittu. Dwar l-eżerċtu tal-Fargħun Neko, sultan tal-Eġittu li kien biswit ix-xmara Ewfrat ħdejn Karkemis u li kissru Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, fir-raba’ sena ta’ Ġeħojakim bin Ġosija, sultan ta’ Ġuda:

3“Ħejju t-tarka l-kbira u ż-żgħira,

u ersqu għat-taqtigħa.

4Xiddu ż-żwiemel, u irkbu,

intom rikkieba!

Ħudu postkom bl-elmu f’raskom,

sinnu l-lanez,

ilbsu l-kurazzi.

5X’qiegħed nara?

Reġgħu lura kollha mwerwrin;

il-qalbiena tagħhom imkissra,

maħruba u mitlufa, ma jħarsux lura,

biża’ ma’ kullimkien,

oraklu tal-Mulej.

6Ma jaħrabx il-ħafif,

u l-qalbieni ma jeħlishiex.

Lejn it-Tramuntana, ħdejn xatt l-Ewfrat,

jitfixklu u jaqgħu.

7Min hu tiela’ bħan-Nil,

bħal xmajjar ilmijietu mqanqla.

8L-Eġittu tiela’ bħan-Nil,

b’ilmijietu mqanqla bħal xmajjar,

u hu jgħid: ‘Jien nitla’,

ngħatti l-art,

u neqred il-belt u lil min jgħammar fiha.’

9Itilgħu, żwiemel,

lebbtu ’l quddiem, imriekeb!

Oħorġu, qalbiena!

Nies minn Kus u Put, intom li taqbdu t-tarka,

nies minn Lud, li tħaddmu l-qaws.

10Dak il-Jum għal Sidi l-Mulej tal-eżerċti,

Jum il-vendetta,

ħa jitħallas mill-għedewwa tiegħu.

Ix-xabla għad tibla’, għad tixba’

u tisker f’demmhom:

tassew sagrifiċċju għal Sidi l-Mulej,

fl-inħawi tat-Tramuntana ħdejn ix-xmara Ewfrat.

11Itla’ f’Gilgħad, u ħu l-balzmu,

xbejba bint l-Eġittu.

Għalxejn tkattar id-dwiet,

m’hemmx fejqan għalik.

12Il-ġnus semgħu b’għajbek,

u l-karba tiegħek dwiet mal-art,

għax qalbieni jitfixkel f’qalbieni ieħor,

u t-tnejn flimkien jaqgħu fl-art.”

Oraklu għal Nabukodonosor

13Il-kelma li l-Mulej qal lill-profeta Ġeremija, meta Nabukodonosor, sultan ta’ Babilonja, ġie biex jaħbat għall-art tal-Eġittu:

14“Ħabbru fl-Eġittu,

u semmgħuh f’Migdol,

xandruh f’Nof u Taħfanħes.

Għidulu: ‘Qum fuq tiegħek u ħejji ruħek,

għax ix-xabla qiegħda tibla’ kollox madwarek.

15Għaliex ħarab Afi?

Għaliex il-gendus tiegħek ma waqafx?

Għax il-Mulej xeħtu mal-art.

16Il-kotra tiegħek tfixklet u waqgħet,

u bdew jgħidu lil xulxin:

‘Qum, ħa mmorru lura ma’ niesna,

u f’art twelidna, ’il bogħod mix-xabla qerrieda.’

17Agħtu dan l-isem lill-Fargħun,

sultan tal-Eġittu:

‘Ħsejjes waħdu, ħalla ż-żmien jgħaddi!’

18Daqs kemm jien ħaj,

oraklu tas-Sultan,

Jaħweh tal-eżerċti ismu,

bħat-Tabor fost il-muntanji għad jiġi,

bħall-Karmel fuq il-baħar.

19Lesti s-soror għall-eżilju,

xbejba, li tgħammar f’bint l-Eġittu.

Għax Nof ħerba għad issir,

irmied, mingħajr ħadd ma jgħammar fiha.

20Erħa sabiħa l-Eġittu,

xidja mit-Tramuntana ġiet fuqu.

21Sa l-mikrija li għandu f’nofsu

qishom għoġiela għas-simna.

Saħansitra huma

daru u ħarbu lura,

u ma żammewx iebes;

għax jum it-telfien waslilhom,

is-siegħa ta’ kastighom.

22Leħnu bħal serp isaffar,

għax ġejjin bil-qawwa tal-eżerċtu;

bl-imnajjar ġejjin għalih,

bħal dawk li jqaċċtu s-siġar.

23Iqaċċtulu l-masġar tiegħu,

oraklu tal-Mulej,

għalkemm ma tgħaddix minnu,

għax kotrana huma aktar mill-ġradijiet,

ma jingħaddux.

24Bint l-Eġittu ġiet fl-għajb,

mitluqa f’idejn poplu tat-Tramuntana.”

Oraklu għal Iżrael

25Il-kelma tal-Mulej tal-eżerċti, Alla ta’ Iżrael: “Arawni! Jien nikkastiga lil Amon ta’ No, l-Eġittu, lill-allat tiegħu u s-slaten tiegħu, u lill-Fargħun, u ’l dawk li jafdaw fih.

27“U int la tibżax, Ġakobb,

il-qaddej tiegħi;

u la titwerwirx, o Iżrael;

għax, arani, jien insalvak mill-bogħod,

u lil nislek minn art l-eżilju tagħhom.

Ġakobb jerġa’ lura u jgħix fil-kwiet,

fiż-żgur, bla ħadd ma jbeżżgħu.

28Int, Ġakobb il-qaddej tiegħi,

la tibżax,

oraklu tal-Mulej,

għax miegħek jien;

jien neqred il-ġnus kollha,

li fosthom jien xerridtek;

imma minnek ma nagħmilx qerda;

nikkastigak kemm jistħoqqlok,

bla kastig għalkollox ma nħallikx.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help