NUMRI 23 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 23

1U Balgħam qal lil Balak: “Ibnili hawn seba’ artali, u lestili seba’ għoġiela u seba’ mtaten.”

2U Balak għamel kif qallu Balgħam. U Balgħam u Balak offrew għoġol u muntun fuq kull artal;

3u Balgħam qal lil Balak: “Int oqgħod ħdejn is-sagrifiċċju tiegħek, u jien nitbiegħed; għandu mnejn jiġi l-Mulej jiltaqa’ miegħi, u ngħidlek kulma jurini.” U telaq lejn għolja għerja.

4U l-Mulej ġie jiltaqa’ miegħu, u Balgħam qallu: “Jien lestejt seba’ artali, u offrejt għoġol u muntun fuq kull artal.”

5U l-Mulej qiegħed dan il-kliem fuq fomm Balgħam u qallu: “Erġa’ lura lejn Balak u għidlu li ngħidlek jien.”

6U raġa’ mar ħdejh u sabu wieqaf ħdejn is-sagrifiċċju tiegħu, hu u l-prinċpijiet kollha ta’ Mowab, u

7beda jitkellem u jgħid:

“Minn Aram ġiebni Balak,

is-Sultan ta’ Mowab mill-għoljiet tal-Lvant:

‘Ejja u isħetli lil Ġakobb;

Ejja u idgħili lil Iżrael.’

8Kif nista’ nisħet lil min Alla ma seħtux?

u kif nidgħi lil min Alla ma dgħalux?

9Minn fuq il-qċaċet tal-blat qiegħed narah;

nħares lejh minn fuq l-għoljiet.

Dan poplu jgħammar waħdu;

mal-ġnus ma jitħallatx.

10Min għaddu trab Ġakobb,

u min jgħodd ir-ramel ta’ Iżrael?

Jalla mmut bħalma jmut il-ġust,

u tmiemi jkun bħal tmiemu.”

11Imbagħad Balak qal lil Balgħam: “X’għamiltli! Jien ġibtek biex tisħetli l-għedewwa tiegħi, u issa int qiegħed tberikhom!”

12U wieġbu: “Mhux il-kliem li jqegħedli l-Mulej fuq fommi għandi nqis li ngħid?”

It-tieni oraklu

13U Balak qallu: “Ejja miegħi post ieħor mnejn tista’ tarahom. Tarf biss minnu tista’ tara, ma tarahx kollu, u isħethuli minn hemm.”

14Ħadu fil-wita ta’ Sofim fuq il-quċċata tal-Pisga, u bena hemm seba’ artali, u offra għoġol u muntun fuq kull artal.

15U qal lil Balak: “Oqgħod wieqaf ħdejn is-sagrifiċċju tiegħek, u jien ikolli laqgħa hemm.”

16U l-Mulej iltaqa’ ma’ Balgħam, u qegħedlu dan il-kliem fuq fommu, u qallu: “Erġa’ lura u mur għand Balak, u għidlu li se ngħidlek.”

17U ġie ħdejh, u sabu wieqaf ħdejn is-sagrifiċċju, u l-prinċpijiet ta’ Mowab miegħu. U Balak staqsieh: “X’jgħid il-Mulej?”

18U Balgħam raġa’ beda jitkellem u jgħid:

“Qum Balak u isma’;

agħtini widen bin Siffur.

19Alla mhux bniedem biex jigdeb;

anqas bin Adam biex jibdielu.

Forsi jgħid u ma jagħmilx?

jitkellem, u ma jżommx kelmtu?

20Arani! Ordnali nbierek.

Hu bierek, u jiena ma nistax

il-barka reġġa’ lura!

21Ebda deni ma sab f’Ġakobb;

u ebda ħażen ma ra f’Iżrael.

Il-Mulej, Alla tiegħu, miegħu;

sultan milqugħ b’għajjat ta’ ferħ.

22Bħalma huma l-qrun għall-gendus selvaġġ,

hekk għalihom Alla, li ħariġhom mill-Eġittu.

23Ma hemmx seħer kontra Ġakobb;

ma hemmx magħmul kontra Iżrael.

Issa huwa l-waqt li jgħidu minn Ġakobb u Iżrael:

‘Araw Alla x’għamel!’

24Araw hawn poplu! Bħal iljun iqum,

bħal iljun jieqaf fuq riġlejh;

ma jistrieħx qabel ma jqarmeċ il-priża,

qabel ma jixrob demm il-maqtulin.”

25U Balak qal lil Balgħam: “Tisħtu xejn. Jekk int m’intix se tisħtu, anqas m’għandek tbierku.”

26U Balgħam wieġeb lil Balak: “Ma kellimtekx u għedtlek li jien nagħmel dak li jgħidli l-Mulej?”

It-tielet oraklu

27U Balak qal lil Balgħam: “Ejja nieħdok naħa oħra, għandu mnejn Alla jogħġbu li tisħethuli minn hemm.”

28U Balak ħa lil Balgħam fuq il-quċċata ta’ Pegħor, li tħares lejn id-deżert.

29U Balgħam qal lil Balak: “Ibnili hawn seba’ artali, u lestili seba’ għoġiela u seba’ mtaten.”

30U Balak għamel kif ordnalu Balgħam, u offra għoġol u muntun fuq kull artal.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help