1Neħħi minn fuqek, Ġerusalemm,
ilbies il-vistu u n-niket tiegħek,
u ilbes għal dejjem id-dija tal-glorja ta’ Alla.
2Ilbes mantar il-ġustizzja ta’ Alla,
qiegħed fuq rasek id-dijadema
tal-glorja ta’ Alla ta’ dejjem.
3Għax Alla għad juri sbuħitek
lid-dinja taħt ix-xemx,
4Alla jsemmik għal dejjem:
“Sliem tal-Ġustizzja u Glorja tal-Qima ta’ Alla.”
5Qum, Ġerusalemm, itla’ fl-għoli,
u ħares madwarek lejn il-Lvant,
ara ’l uliedek miġmugħa,
minn fejn tinżel ix-xemx sa fejn titla’,
għall-kelma tal-Qaddis,
ferħana li Alla ftakar fihom.
6Telqu mingħandek bil-mixi,
imkarkra mill-għedewwa,
u issa Alla se jġibhomlok,
merfugħin fil-ġieħ bħalkieku
fuq tronijiet is-slaten.
7Għax Alla ordna;
jitniżżlu l-muntanji għolja,
u l-għoljiet ta’ dejjem,
jimtlew il-widien u titwitta l-art,
biex hemm Iżrael jimxi ’l quddiem,
bla tfixkil ta’ xejn,
taħt il-ħarsien ta’ Alla.
8U l-foresti u s-siġar tal-fwieħa,
jixħtu dellhom għal fuq Iżrael,
bl-ordni ta’ Alla.
9Għax Alla jmexxi lil Iżrael ferħan,
b’dawl il-glorja tiegħu,
imsieħba mill-ħniena u l-ġustizzja
ħierġa minnu.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.