1La tifraħx Iżrael,
la taqbiżx bil-ferħ bħall-ġnus.
Inti żnejt u tlaqt lil Alla tiegħek,
ħabbejt ħlas iż-żina fuq kull qiegħa tal-qamħ.
2Il-qiegħa u l-magħsar ma jitimgħuhomx,
u l-inbid ġdid għad jonqoshom.
3Ma jibqgħux jgħammru f’art il-Mulej;
imma Efrajm jerġa’ jmur lejn l-Eġittu,
u ikel imniġġes jieklu fl-Assirja.
4Ma jsawbux libazzjonijiet tal-inbid f’ġieħ il-Mulej;
lanqas jogħġbuh is-sagrifiċċji tagħhom.
Ikilhom bħall-ikel tal-vistu,
kull min jiekol minnu jitniġġes,
ħobżhom jaqtgħalhom il-ġuħ
imma ma jidħolx f’dar il-Mulej.
5X’se tagħmlu f’jum il-festa,
f’jum għid il-Mulej?
6Għax, arahom, meta jaħarbu mill-ħerba;
jiġborhom l-Eġittu,
u Menfi għad tidfinhom.
Il-ħurrieq għad jiret il-fided għeżież tagħhom,
u l-għollieq jikber fl-għerejjex tagħhom.
7Waslu jiem il-kastig,
wasal żmien il-ħlas.
Ħa jkun jaf Iżrael,
jekk hux iblah il-profeta,
jew miġnun il-bniedem tar-ruħ!
Kbira hi ħżunitek,
u bla qjies il-mibegħda tiegħek.
8Il-profeta hu l-għassies ta’ Efrajm,
il-poplu ta’ Alla tiegħi,
imma hemm in-nasba tan-nassab fi triqtu,
u l-mibegħda f’dar Alla tiegħi.
9Għoddsu sal-qiegħ fi ħżunithom,
bħal fi żmien Gibgħa.
Imma għad jiftakar fi ħżunithom,
u jikkastiga ħtijiethom.
10Bħall-għeneb fid-deżert sibt lil Iżrael;
bħall-bikri tat-tina
fl-ewwel żmien tagħha,
jien rajt lil missirijietkom.
Huma ġew Bagħal-pegħor,
u kkonsagraw ruħhom lil dak il-mistkerraħ,
u sfaw mistkerrha bħal min ħabbew.
11Efrajm bħal għasfur, ġieħhom itir,
u jkunu mingħajr wild,
bla tqala, bla tnissil.
12U mqar jekk irabbu l-ulied,
inħallihom bla tfal,
sakemm ma jifdal ħadd.
Għax tassew, ħażin għalihom
meta jien inwarrab minnhom.
13Efrajm, kif rajtu, kien bħal Tir,
imxettel f’post sabiħ.
Imma Efrajm għad joħroġ ’l uliedu għall-qatla.
14Agħtihom, Mulej,
u x’se tagħtihom?
Agħtihom ġuf bla frott
u isdra niexfa qoxqox.
15Ħżunithom kollha f’Gilgal,
u hemm bdejt nistmellhom.
Minħabba l-ħażen ta’ għemilhom,
minn dari nkeċċihom.
Ma nħobbhomx aktar,
għax il-prinċpijiet tagħhom kollha rvellaw.
16Efrajm midrub,
għeruqhom niexfa,
frott ma jagħmlux.
Imqar jekk jildu,
jien noqtlilhom l-għożża ta’ ġufhom.
17Ikeċċihom Alla tiegħi,
għax ma semgħux minnu,
u jkunu jiġġerrew fost il-ġnus.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.