BIN SIRAK 15 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 15

1Hekk jagħmel min jibża’ mill-Mulej;

u min iżomm il-Liġi jikseb l-għerf.

2L-għerf joħroġ jiltaqa’ miegħu bħallikieku ommu,

u jilqgħu bħalkieku mart żgħożitu.

3Jitimgħu bil-ħobż tal-fehma,

u jisqih l-ilma tal-għerf.

4Iserraħ fuq l-għerf u ma jmil qatt,

iżomm miegħu u ma jkollux għax jistħi.

5U l-għerf jgħollih fuq il-ġirien tiegħu,

u f’nofs il-ġemgħa jiftaħlu fommu.

6Isib hena u kuruna ta’ ferħ,

u jagħmel isem għal dejjem.

7In-nies boloh ma jiksbuhx,

u l-bnedmin midinba ma jarawhx.

8L-għerf hu ’l bogħod minn bniedem kburi,

u n-nies qarrieqa ma jiftakrux fih.

9It-tifħir fuq fomm il-midneb hu barra minn postu,

għaliex mhuwiex imnebbaħ lilu mill-Mulej.

10It-tifħir għandu jingħad skont l-għerf,

u jirnexxi bl-għajnuna tal-Mulej.

Il-libertà tal-bniedem

11Tgħidx: “Ħtija tal-Mulej tbegħidt”,

għax min jobgħod xi ħaġa ma jagħmilhiex.

12Tgħidx: “Hu ħariġni mit-triq it-tajba”,

għax hu m’għandux bżonn il-bniedem midneb.

13Il-Mulej jobgħod kulma hu ta’ min jistmerru,

u dan ma jħobbuhx dawk li jibżgħu mill-Mulej.

14Hu mill-bidu għamel il-bniedem,

u ħallieh f’idejn ir-rieda tiegħu.

15Jekk trid tista’ tħares il-kmandamenti,

u b’rieda tajba tista’ tkun fidil.

16Hu qegħedlek quddiemek in-nar u l-ilma;

liema trid minnhom, midd idek għalih.

17Quddiem il-bniedem hemm il-ħajja u l-mewt,

u liema tixtieq qalbu lesta għalih.

18Għax għerf il-Mulej hu bla qjies,

qawwi f’setegħtu u jara kollox.

19Għajnejh fuq dawk li jibżgħu minnu,

u jagħraf kulma jagħmel il-bniedem.

20Lil ħadd ma qabbad jgħix ħażin,

u lil ħadd ma rħielu jidneb.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help