1U ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli:
2“Inti, o bniedem, għanni għanja ta’ biki għal Tir.
3Għid lil Tir, sultana fuq dħul il-baħar,
neguzjanta tal-popli f’ħafna gżejjer,
dan jgħid Sidi l-Mulej;
Tir, int għedt:
‘Jiena ġifen ta’ ġmiel bla qjies!’
4F’nofs l-ibħra trufijietek,
il-bennejja tiegħek fawruk bi ġmielek;
5biċ-ċipress minn Xenir ħadmulek it-tavlar.
Miċ-ċedru tal-Libanu ħadu
biex jagħmlulek l-arblu.
6Mill-ballut ta’ Basan
għamlulek l-imqadef.
Il-gverta għamluhielek miċ-ċipress
mill-gżejjer tal-Kittin,
intarsjata bl-avorju.
7Għażel irrakkmat mill-Eġittu
kien il-qlugħ tiegħek,
u kien iservi ta’ bandiera;
porpra u skarlatt minn xtut Elisa
kienet it-tinda tiegħek.
8Ta’ Sidon u ta’ Arwad
kienu l-qaddiefa tiegħek;
u l-bdoti tiegħek nies imħarrġa minn Semer.
9Ix-xjuħ ta’ Gebal u n-nies imħarrġa tagħha
kienu l-qlafat ta’ xquqek.
Il-kummerċ tal-Feniċi“L-iġfien kollha tal-baħar u l-baħħara kienu jiġu għandek ipartu l-merkanzija tiegħek.
10Paras, Lud u Put kienu fl-eżerċtu tiegħek, nies gwerriera; it-tarka u l-elmu dendlu miegħek, u komplew żidulek ġmielek.
11“In-nies ta’ Arwad u ta’ Ħalek kienu fuq id-dawra tas-swar tiegħek, u l-Gammedin fuq it-torrijiet; u tarkiethom dendluhom ma’ swarek dawramejt, u komplew żidulek ġmiel fuq ġmiel.
12“Tarsis kienet tinnegozja miegħek, minħabba l-ġid kbir li kellek; kienu jpartu l-fidda, il-ħadid, il-landa, u ċ-ċomb mal-merkanzija tiegħek.
13“Kienu jinneguzjaw miegħek Ġawan, Tubal u Mesek: kienu jpartu l-ilsiera u l-ħwejjeġ tal-bronż mal-merkanzija tiegħek.
14“In-nies ta’ Bet-togarma kienu jpartu żwiemel tat-tagħbija, żwiemel tal-ġiri, u bgħula mal-merkanzija tiegħek.
15“Kienu jinneguzjaw miegħek in-nies ta’ Dedan. Ħafna gżejjer il-kummerċ tagħhom kien f’idejk, u kienu jħallsuk bl-injieb tal-avorju u l-ebbanu.
16“Kien jinnegozja miegħek Edom minħabba l-ħafna xogħlijiet tiegħek; kienu jpartu miegħek il-karbunklu, il-porpra, il-brukkat, l-għażel fin, il-qroll u r-rubini mal-merkanzija tiegħek.
17“Ġuda u art Iżrael, huma wkoll kienu jinneguzjaw miegħek il-qamħ ta’ Minnit, tin, għasel, żejt, u balzmu.
18“Damasku wkoll kien jinnegozja miegħek minħabba l-ħafna xogħlijiet tiegħek u l-ġid kbir li kellek. Kienu jħallsuk bl-inbid ta’ Ħelbon u s-suf ta’ Saħar.
19U Ġawan kienu jpartu l-inbid minn Użal mal-merkanzija tiegħek; ħadid fondut, kassja u qasab tal-fwieħa kienu jpartu miegħek.
20“Dedan kien ukoll jinnegozja s-sruġ għar-rkib.
21“L-Għarab u l-prinċpijiet ta’ Kedar huma wkoll kienu n-neguzjanti tiegħek; kienu jinneguzjaw miegħek il-ħrief, l-imtaten u l-bdabad.
22“Il-merkanti ta’ Saba u Ragħma, huma wkoll kienu jinneguzjaw miegħek, u kienu jpartu mal-merkanzija tiegħek kull xorta ta’ ħwawar mill-aħjar u ħaġar prezzjuż u deheb.
23“Ħaran, Kanni u Għeden, in-neguzjanti ta’ Saba, Assur, u Kilmad kienu wkoll jinneguzjaw miegħek;
31Iqaxxru rashom minħabba fik,
u jxiddu l-ixkejjer;
jibkuk bl-imrar f’qalbhom,
u b’sogħba ta’ swied il-qalb.
32U jgħannulek lamentazzjoni, inewħu għalik
u jgħidu: ‘Min kien bħal Tir,
meqruda f’nofs ta’ baħar?’
33Meta l-merkanzija tiegħek
kienet toħroġ mill-ibħra,
kont ixxabba’ l-ħafna popli bil-ġid kbir tiegħek;
bil-merkanzija tiegħek kont tagħni
s-slaten tal-art.
34Issa kissrek il-baħar,
u tinsab f’qiegħ l-ibħra;
il-merkanzija tiegħek u l-ekwipaġġi
kollha għerqu miegħek.
35In-nies li jgħammru fil-gżejjer bliehu minħabba fik;
u s-slaten tagħhom tkexkxu,
u nxtorob wiċċhom.
36In-neguzjanti fost il-popli bdew isaffrulek.
Sirt il-waħx tad-dinja,
spiċċajt għal dejjem!”
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.