BIN SIRAK 34 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 34Il-ħolm

1Tamiet fiergħa u qarrieqa ssibhom għand bniedem bla moħħ,

u bil-ħolm il-boloh itellgħu l-ġwienaħ.

2Bħal wieħed jipprova jaqbad id-dellijiet jew jiġri wara r-riħ,

hekk hu min jagħti kas tal-ħolm.

3Dan biswit dak: hekk hi dehra fil-ħolm;

quddiem wiċċ xbieha ta’ wiċċ.

4X’jiġi msoffi b’ħaġa mniġġsa?

U x’jiġi ppruvat veru b’ħaġa qarrieqa?

5Tbassir, teħbir, u ħolm kollhom frugħa,

bħal thewdin il-moħħ ta’ mara fil-ħlas.

6Jekk mhumiex mibgħuta mill-Għoli bħallikieku qed iżurek,

lanqas biss m’għandek taħseb fuqhom.

7Il-ħolm qarraq b’ħafna,

u dawk li ttamaw fih stennew ta’ xejn.

8Mingħajr dal-qerq isseħħ il-Liġi,

u l-milja tal-għerf qiegħda fuq fomm sinċier.

L-ivvjaġġar

9Bniedem li jivvjaġġa,

u min hu ta’ esperjenza, jaf x’għandu jgħid.

10Ftit jaf min ma ġarrabx;

imma min ġera jitkellem ta’ wieħed li jifhem.

11Rajt ħafna fil-vjaġġi tiegħi,

u fhimt iktar milli nista’ ngħid bil-kliem.

12Ħafna drabi rajt il-mewt,

imma ħlistha minħabba l-esperjenza.

13L-ispirtu ta’ dawk li jibżgħu mill-Mulej jibqa’ ħaj,

għax it-tama tagħhom qiegħda f’dak li jsalvahom.

14Min għandu l-biża’ tal-Mulej minn xejn ma jibża’;

u ma jaqtax qalbu, għax il-Mulej it-tama tiegħu.

15Hieni min jibża’ mill-Mulej!

Fuq min se joqgħod? U fuq min se jserraħ?

16Għajnejn il-Mulej fuq dawk li jħobbuh;

hu ta’ qawwa biex tistkenn warajh,

u ta’ saħħa biex isserraħ fuqu,

jagħtik kenn mir-riħ sħun u mis-sħana ta’ nofsinhar,

iħarsek mit-tfixkil u jgħinek biex ma taqax,

17jerfgħek fl-ispirtu u jdawwallek għajnejk,

jagħtik il-fejqan, il-ħajja, u l-barka.

Is-sagrifiċċji

18Jekk xi ħadd joffri b’sagrifiċċju mill-qligħ

inġust tiegħu l-offerta tkun daħka fil-wiċċ,

u l-għotjiet ta’ min ma jħarisx il-Liġi ma jogħġbux il-Mulej.

19Ma jogħġbux lill-Għoli l-offerti ta’ dawk li ma jibżgħux minnu,

u ma jitħallasx għad-dnubiet b’kotra ta’ sagrifiċċji.

20Bħal min joqtol iben quddiem għajnejn missieru,

hekk hu min joffri sagrifiċċju minn ħwejjeġ il-fqir.

21Il-ħobż ta’ min hu fil-bżonn hu l-għajxien tal-fqir,

u min jeħodhulu hu bniedem imċappas bid-demm.

22Joqtol il-proxxmu min jeħodlu l-għajxien tiegħu,

u jċarċar id-demm min iżomm ħlas il-lavrant.

23Wieħed jibni u ieħor iħott;

x’se jieħdu aktar minn tbatija?

24Wieħed jitlob u ieħor jisħet;

leħen min se jisma’ s-Sid?

25Min jinħasel wara li jkun mess ġisem mejjet u mbagħad jerġa’ jmissu,

xi jkun ħa bil-ħasil tiegħu?

26Hekk il-bniedem li jsum għal dnubietu

u jerġa’ jmur jagħmel l-istess;

min se jagħti widen għat-talba tiegħu?

Xi jkun ħa billi jkun ċekken lilu nnifsu?

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help