ISAIJA 13 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 13L-oraklu fuq Babilonja

1Oraklu fuq Babilonja. Viżjoni li kellu Isaija bin Amos:

2Fuq għolja xagħrija tellgħu stendard;

għollu leħinkom lejhom,

xejrulhom idkom,

ħalli jidħlu minn bwieb il-kbarat.

3Jien tajt l-ordni lill-qaddisin tiegħi,

sejjaħt lill-gwerriera qalbiena tiegħi,

kollhom ħeġġa għall-glorja tiegħi,

biex jagħmlu li jrid għadbi.

4Isimgħu l-għagħa fuq il-muntanji,

għagħa ta’ poplu sħiħ.

Isimgħu t-tgeġwiġ ta’ saltniet u ġnus miġmugħa;

il-Mulej tal-eżerċti għaddej

minn nofs eżerċtu lest għall-gwerra.

5Ġejjin minn art imbiegħda,

minn truf is-smewwiet,

il-Mulej u t-tagħmir ta’ għadbu,

biex jagħmel ħerba mid-dinja kollha.

6Ixhru, għax qorob Jum il-Mulej,

bħal qerda mingħand is-Setgħan.

7Għalhekk idejn kulħadd jintelqu,

u qalb kull bniedem tinħall,

u lkoll jitwerwru.

8Uġigħ u brim jaqbadhom,

bħal mara fil-ħlas jitkagħwġu;

miblugħin iħarsu lejn xulxin,

wiċċhom wiċċ in-nar.Jum il-Mulej

9Araw, Jum il-Mulej għad jasal,

kiefer, imgħaddab, ħuġġieġa nar bil-korla,

biex jagħmel mill-art ħerba,

u jeqred minnha l-midinbin.

10Il-kwiekeb tas-smewwiet u l-ġemgħat tagħhom

ma jarmux aktar id-dija tad-dawl tagħhom.

Hi u tielgħa, ix-xemx tiddallam,

u l-qamar ma jroxx dawlu.

11Jien nitħallas mid-dinja għal ħżunitha,

u mill-ħżiena għal ħtijiethom.

Inġib fix-xejn il-kburija tas-suppervi,

u n-nies vjolenti mmidd mal-art.

12Nagħmel in-nies aktar rari mid-deheb fin,

u l-bnedmin jonqsu aktar mid-deheb ta’ Ofir.

13Is-smewwiet jitqallbu ta’ taħt fuq,

u minn sisienha titheżżeż l-art,

bis-saħna tal-Mulej tal-eżerċti,

f’jum in-nar tal-korla tiegħu.

14Imbagħad bħal għażżiela jiġru warajha,

bħal merħla m’hemm ħadd jiġborha,

idur kull wieħed lejn il-poplu tiegħu,

u kull bniedem lejn artu jaħrab.

15Kull min jinsab, jinfduh;

kull min jinqabad, jgħadduh mix-xabla.

16Itertqulhom it-trabi quddiem għajnejhom;

Jisirqulhom ’il djarhom u san-nisa jkasbrulhom.

17Arawni, jien inqajjem għalihom il-Medi,

li l-fidda ma jaħsbux fiha,

u anqas għad-deheb ma jagħmlu.

18Qwieshom itertqu ż-żgħażagħ,

bla ħniena għal frott il-ġuf,

bla ħasra għall-ulied.

Il-Medi jkissru ’l Babilonja

19Issir Babilonja, il-ġawhra tal-imperi,

iż-żina u l-foħrija tal-Kaldin,

bħal Sodoma u Gomorra,

meta ġġarrfu b’idejn Alla.

20Qatt aktar ma titgħammar,

minn żmien għal żmien ħadd aktar ma joqgħod fiha.

L-Għarbi ma jtellax l-għarix fiha,

u r-rgħajja ma jserrħux l-imrieħel tagħhom.

21Imma hemm jistrieħu l-bhejjem tax-xagħri;

fi djarhom tbejjet il-kokka,

u jgħammru n-ngħam.

Hemm jaqbżu l-mogħoż selvaġġi;

22tnewwaħ il-jena fil-kastelli tagħhom,

u x-xakalli fi djarhom tal-pjaċir.

Is-siegħa tagħha waslet,

u jiemha iżjed ma jtulux.

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help