1Talba tal-profeta Ħabakkuk, fuq it-ton
tal-għana ta’ niket.
2Mulej, waslet f’widnejja l-fama tiegħek,
mill-għemil tiegħek jiena bżajt, Mulej.
Sa ftit snin oħra ġeddu,
sa ftit snin oħra għarrfu!’
Fil-korla, ġib quddiem għajnejk il-ħniena.
3Alla ġej minn Teman,
mill-muntanja Faran ġej il-Qaddis.
Sebħu jiksi s-smewwiet,
foħritu timla l-art.
4Dijietu qisha dawl ix-xemx,
minn idu jleħħu r-raġġi:
hemmhekk tinsab moħbija l-qawwa tiegħu.
5Quddiemu timxi l-pesta,
u wara passih jiġi d-deni,
6Jieqaf, u jriegħed l-art,
iħares, u jkexkex il-ġnus:
imbagħad il-muntanji dejjiema
jitqanqlu minn posthom,
l-għoljiet ta’ żmien il-qedem jitbaxxew,
triqatu sa minn dejjem.
7It-tined ta’ Kusan rajthom jitbeżżgħu,
rajt l-għerejjex t’art Midjan jirtogħdu.
8Jaqaw tixgħel il-korla tiegħek kontra x-xmajjar
jew kontra l-baħar qilltek,
meta int, Mulej, tirkeb iż-żwiemel tiegħek
u l-karru tar-rebħ tiegħek?
9Terfa’ l-qaws tiegħek għeri,
il-watar tiegħek timlieh sew bil-vleġeġ.
Int tofroq l-art bix-xmajjar,
10jilmħuk il-muntanji, u jitheżżu;
jitqalleb l-ilma b’saħħa kbira u jgħaddi;
jgħajjat l-abbiss u jerfa’ idejh fl-għoli.
11Ix-xemx u l-qamar waqfu f’posthom,
ħarbu kif raw ileħħu l-vleġeġ tiegħek,
u l-lanza tiegħek toħroġ dawl li jgħammex.
12Int b’korla fuqek tgħaddi minn nofs l-art,
u tgħaffeġ b’saħna l-ġnus.
13Int ħriġt sabiex issalva l-poplu tiegħek,
issalva l-midluk tiegħek.
Dar il-ħażin ġarraftha mill-quċċata,
kxiftilha l-pedament sa deher il-blat.
14Infidt bix-xettru tiegħek
ras il-gwerriera tiegħu,
li nxteħtu fuqi b’ferħ biex jeqirduni,
bħalkieku biex jibilgħu ’l min hu msejken,
f’xi mkien fis-satra,
15Għaddejt biż-żwiemel tiegħek fuq il-baħar,
fuq it-tqalligħ tal-ilmijiet kotrana.
16Jien smajt, u ħassejt fija rogħda kbira,
għal dan il-ħoss xufftejja bdew jirtogħdu;
ħassejt għadmi jitmermer,
passija bdew jitriegħdu taħti.
Noqgħod bil-kwiet nistenna Jum l-għawġ
li għad ifeġġ għall-ġens li qed jisħaqna.
17U mqar jekk ebda nwar ma trodd it-tina,
u xejn ma jagħtu d-dwieli
u l-frott tas-siġar taż-żebbuġ iqarraq,
u r-raba’ xejn ma jibqa’ jrodd għall-ikel,
u l-merħla tgħib mill-mandra,
u bhejjem ma jkunx hemm fl-istalel tagħhom,
18jien xorta waħda nifraħ fil-Mulej,
nithenna f’Alla, is-salvazzjoni tiegħi!
19Il-Mulej Sidi huwa l-qawwa tiegħi;
riġlejja jagħmilhomli bħal taċ-ċriev
u fuq l-għoljiet jeħodni.
Lill-mexxej tal-kor; bid-daqq tal-kordi.
Who We AreWhat We EelieveWhat We Do
2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.