ISAIJA 56 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 56It-Tielet Parti: Kap 56 sa 66Qtigħ il-qalb u s-salvazzjoni

1Dan jgħid il-Mulej:

“Żommu s-sewwa u agħmlu l-ġustizzja,

għax is-salvazzjoni tiegħi għoddha waslet,

u l-ġustizzja tiegħi dalwaqt tfeġġ.”

2Hieni r-raġel li jagħmel dan,

u l-bniedem li jżomm sħiħ fih,

iħares is-Sibt u ma jiksrux,

u jżomm idu ’l bogħod mill-għemil ħażin.”

3U ma jgħidx il-frustier li jintrabat mal-Mulej:

“Se jifridni l-Mulej mill-poplu tiegħu.”

Ma jgħidx l-ewnuku: “Arawni, jiena siġra niexfa!”

4Għax dan jgħid il-Mulej:

“Għall-ewnuki li jħarsu Sibtijieti,

u jagħżlu dak li jogħġob lili,

u jżomm sħiħ fil-patt tiegħi,

5jiena nagħtihom f’dari u swari,

nagħtihom monument u isem,

xi ħaġa aħjar minn subien u bniet;

nagħtihom isem għal dejjem,

li ma jitħassar qatt.

6Ulied il-frustier li ntrabtu mal-Mulej biex jaqduh,

u biex iħobbu isem il-Mulej,

u jkunu qaddejja tiegħu,

kull min iħares is-Sibt u ma jiksrux

u jżomm sħiħ fil-patt tiegħi,

7lil dawn inwassalhom sal-muntanja mqaddsa tiegħi,

u nferraħhom f’dar it-talb tiegħi;

il-vittmi maħruqa u s-sagrifiċċji tagħhom

ikunu jogħġbuni telgħin minn fuq l-artal tiegħi,

għax dari ‘dar it-talb’ tissejjaħ għall-popli kollha.

8Oraklu ta’ Sidi l-Mulej,

li jiġbor l-imxerrdin ta’ Iżrael;

“Nissokta niġbor l-itturufnati tiegħu

flimkien ma’ dawk li diġà ġbart.”

Il-kundanna tal-idolatrija ta’ Iżrael

9Intom bhejjem tar-raba’,

ejjew kulu,

intom bhejjem tal-foresta.

10L-għassiesa tal-poplu tiegħi,

ilkoll għomja, ma jintebħu b’xejn;

ilkoll klieb muti,

ma jistgħux jinbħu.

Jimteddu u joħolmu,

ħsiebhom biex jorqdu.

11Huma klieb rgħiba,

ma jixbgħu qatt.

Dawn huma r-rgħajja,

li ma jafux jaħsbu.

Qabdu triqthom ilkoll,

kulħadd jaħseb għal rasu.

12Ejjew ħa nġibu l-inbid,

u niskru bix-xorb qawwi.

Għada jkun bħal-lum,

anzi aħjar, u ħafna aħjar.”

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help