L-GĦANJA TAL-GĦANJIET 4 - Maltese Bible with DC

Kapitlu 4L-għarus

1Kemm int sabiħa, maħbuba tiegħi,

kemm int sabiħa!

Għajnejk qishom ħamiem

minn wara l-istar tiegħek.

Dak xagħrek merħla mogħoż

imewġu mal-muntanji ta’ Gilgħad.

2Dawk snienek qishom merħla nagħaġ imġiżża

telgħin wara l-ħasil.

Kull waħda minnhom hemm tewmija magħha,

ma hemm mingħajrha ebda waħda minnhom.

3Ħajta ħamra dagħmiena huma xufftejk,

id-diskors tiegħek ħelu.

Ħaddejk biċċtejn rummien

minn wara l-istar tiegħek.

4Għonqok, torri ta’ David,

li nbena ħalli fih jintrefgħu l-armi.

Elf tarka hemm fih imdendla,

tarkiet tal-qalbenin, ilkoll kemm huma.

5Jixbah lil żewġt ifrieħ taċ-ċerva sidrek,

ulied tewmin t’għażżiela,

li jirgħu qalb il-ġilji.

6Qabel ma taqa’ s-sirda

u d-dellijiet jaħarbu,

lejn il-muntanja rrid immur tal-mirra,

lejn tal-inċens l-għoljiet.

7Kollok sabiħa, maħbuba tiegħi,

u tebgħa fik ma hemmx!

8Ejja minn fuq il-Libanu, għarusa tiegħi,

ejja mil-Libanu għad-daħla tiegħek.

Ħares minn fuq il-qċaċet ta’ Amana,

minn fuq dawk ta’ Senir u ta’ Ħermon,

minn dawk l-għerien tal-ljuni,

muntanji tal-ljupardi.

9Inti sraqtli lil qalbi, għarusa tiegħi,

inti sraqtli lil qalbi, oħti,

sa b’ħarsa waħda tiegħek,

sa b’waħda biss mill-ġawhar ta’ fuq għonqok!

10Imħabbtek kemm hi ħelwa,

oħti, għarusa,

kemm hi aħjar imħabbtek mill-inbid!

Riħet fwiħatek oħla minn kull balzmu!

11Xufftejk, għarusa tiegħi, iqattru għasel safi,

u taħt ilsienek għasel u ħalib.

Riħet l-ilbiesi tiegħek

bħal dik tal-Libanu.

12Ġnien magħluq tajjeb int, oħti, għarusa tiegħi,

ġnien magħluq tajjeb, għajn issiġillata.

13Jinbet ġnien tar-rummien minn ilmijietek,

flimkien mal-ogħla ħxejjex:

il-ward tal-ħenna, u l-ispika,

14spika u żagħfran,

qasab ifuħ, kannella,

kull siġra tal-inċens,

mirra, sabbara,

u l-aqwa balzmi kollha.

15Int għajn tal-ġonna,

int ġiebja tilma ġieri,

nieżel mil-Libanu!L-għarusa

16Qum, Tramuntana,

riħ isfel, ejja,

onfoħ fuq il-ġnien tiegħi,

ħalli s-siġar tal-balzmu tiegħu jqattru!

Ħa jiġi l-maħbub tiegħi fil-ġnien tiegħu

u jiekol mill-frott tiegħu kollu benna!

Blog
About Us
Message
Site Map

Who We AreWhat We EelieveWhat We Do

Terms of UsePrivacy Notice

2025 by iamachristian.org,Inc All rights reserved.

Home
Gospel
Question
Blog
Help